Lokali

Il-Gvern għadu fit-taħdidiet mal-Alitalia – qed titlef nofs miljun ewro kuljum

Il-Gvern ikkonferma li għadu għaddej bit-taħdidiet mal-Alitalia biex tkun is-sieħeb strateġiku tal-kumpanijia nazzjonali tal-ajru Air Malta. Dan minkejja li sar magħruf li l-Alitalia qed titlef madwar nofs miljun ewro kuljum fl-operat tagħha.

Ilbieraħ, l-Alitalia kienet milquta minn strajk ta’ 24 siegħa ordnat mill-union tal-piloti u l-membri tal-ekwipaġġ dwar kundizzjonijiet ġodda tax-xogħol. Dawn l-azzjonijiet laqtu madwar 26,000 passiġġier.

Il-Partit Nazzjonalista nnota bi tħassib dak li stqarr il-Kap Eżekuttiv tal-Alitalia dwar is-sitwazzjoni finanzjarja prekarja li tinsab fiha l-kumpanija, fejn f’komunikat lill-ħaddiema qal li l-Alitalia qed titlef madwar nofs miljun ewro kuljum u li kwalunkwe azzjoni mill-ħaddiema tista’ twassal għal riperkussjonijiet kbar fil-kumpanija.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li t-telf ta’ nofs miljun ewro kuljum mill-Alitalia hu ta’ tħassib jekk il-linja tal-ajru Taljana se tixtri ishma fl-Air Malta. L-għazla tal-Alitalia hi diskutibbli, b’mod partikolari meta diġà ddikjarat li mhux se ġġorr piżijiet.

Quddiem din is-sitwazzjoni, il-Partit Nazzjonalista għandu diversi proposti dwar l-Air Malta. Tenna l-impenn tiegħu biex tinstab soluzzjoni dejjiema għall-Air Malta u li tpoġġi l-interessi tal-ħaddiema u tal-industrija tat-turiżmu fuq quddiem nett.