Ambjent Lokali

Il-liġi dwar id-Demanju Pubbliku diskussa mal-kaċċaturi

Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista kellha laqgħa kordjali ma’ uffiċjali mill-Kunsill tal-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) li matulha ġew diskussi diversi suġġetti.

Għal-laqgħa kienu preżenti ix-Shadow Minister għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, il-Kelliem dwar il-Kaċċa u Nsib Charlo Bonnici u l-Kelliem dwar l-Ambjent u l-Ippjanar Ryan Callus. Id-delegazzjoni tal-FKNK kienet immexxija mill-President Joe Perici Calascione u l-Kap Eżekuttiv Lino Farrugia.

Wieħed mis-suġġetti illi ġew diskussi waqt il-laqgħa kienet il-Liġi dwar id-Demanju Pubbliku u kif dan jista’ jeffetwa kaċċaturi u nassaba membri tal-FKNK li huma wkoll sidien ta’ artijiet mxerrdin f’Malta u Għawdex. Id-delegazzjoni tal-PN spjegat li din il-liġi, li inizjalment kienet tressqet minnha fil-Parlament, tagħraf u espressament tgħid illi d-drittijiet li kull individwu għandu fuq il-propjeta’ privata tiegħu għandhom jiġu mħarsa.

Kwistjoni oħra li ġiet diskussa kienet dik tal-kaċċa fuq il-gamiema fir-rebbiegħa u l-moratorju li beħsiebu jimponi l-gvern fuq din it-tip ta’ kaċċa fid-dawl ta’ azzjoni li setgħet tittieħed kontra Malta mill-Kummissjoni Ewropea. Iż-żewġ naħat qablu li dwar din il-kwistjoni jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tħares lejn il-qagħda globali tal-gamiema u tassigura li timxi b’mod ekwu mall-pajjiżi kollha tal-UE, fejn f’ħafna minn dawn il-pajjiżi jinqabad ammont kbir ħafna ta’ gamiem.

Matul il-laqgħa ġew diskussi suġġetti oħra ta’ interess komuni fosthom il-kwistjoni tal-illegalitajiet. Iż-żewġ naħat qablu li għandu jissaħħaħ l-impenn ta’ kulħadd sabiex tiżidied l-osservanza tal-liġi u li min jabbuża ma se jsib l-ebda refuġju u jieħu l-kastig li ħaqqu. Ġie diskuss ukoll l-insib tal-għasafar tal-għana u l-kawża li hemm pendenti fil-preżent dwar dan fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Ewropa. Għalhekk ukoll, sar qbil li għanda jsir laqgħa mall-Ewroparlamentari tal-PN. Fl-aħħar, intlaħaq qbil li ż-żewġ naħat isostnu l-livell ta’ djalogu li ġie stabbilit f’dawn l-aħħar tliet snin.