Il-Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi, qal li t-terremot tax-xahar li għadda li qatel madwar 297 persuna fiċ-ċentru tal-Italja, ikkaġuna wkoll ħsarat ekwivalenti għal mill-anqas 4 biljun ewro. Din kienet l-ewwel stima ta’ Renzi dwar il-livell ta’ ħsarat fl-ibliet qalb il-muntanji li kienu ġarrbu l-impatt tat-‘theżżiża storika’ li laqtet ir-reġjun fl-24 ta’ Awwissu.
Renzi, fil-preżent, qed iħejji biex iressaq il-baġit tal-2017 għall-Italja, waqt li jittama li l-Kummissjoni Ewropea tippermettilu ‘l-akbar livell possibbli ta’ flessibbiltà fiskali’. Hu, intant, qed jistenna li l-ispejjeż relatati għat-terremot ikunu esklużi mil-limiti għall-iżbilanċ (fil-baġit Taljan) stabbiliti mill-Unjoni Ewropea.
Sadanittant, Renzi għadu vag dwar jekk dawk l-ispejjeż għandhomx jinkludu biss l-għajnuna immedjata u l-impenji għar-rikostruzzjoni tal-ibliet Taljani affettwati mit-terremot ta’ Awissu, inkella jekk l-ispejjeż ikoprux anki dawk relatati għal proġett akbar intiż biex il-bini, fl-Italja, jifilħu aktar għat-theżżiż tal-art.
Renzi spjega li l-flus kollha li jintefqu fl-impenji biex l-iskejjel fl-Italja jsiru earthquake proof se jkunu esklużi mill-Patt għall-Istabbilità tal-UE li jfassal il-limiti għall-iżbilanċ għall-Istati-membri tal-Unjoni. Madankollu, wieħed irid jara jekk il-Kummissjoni Ewropea, ‘il quddiem, taqbilx ma’ ‘din id-direzzjoni’.
//= $special ?>