Lokali

Minn għada tibda l-‘Malta International Airshow’

Fil-jumejn li ġejjin, jiġifieri s-Sibt u l-Ħadd fl-ajru fuq Smart City se jkun qed jittella’ spettaklu li jkun mistenni kull sena mid-dilettanti tal-avjazzjoni… edizzjoni oħra tal-Malta International Airshow.

Din is-sena ttieħdet id-deċiżjoni li l-ispettaklu fl-ajru jsir fuq il-baħar qrib Smart City. Kienet deċiżjoni li fissret uġiegħ ta’ ras akbar għall-organizzaturi, minħabba loġistika aktar kumplessa.

L-attrazzjonijiet għal din is-sena hemm is-Sukhoi 27 jew aħjar kif inhu magħruf fost il-pajjiżi tan-NATO il-Flanker. Hemm ukoll il-grupp Pollakk Iskra li se jkun it-tim aerobatiku għal din is-sena. Jingħaqad ukoll magħhom it-tim ta’ ajruplani Pioneer, li se jkun qed jagħlaq l-ispettaklu din is-sena b’show partikolari billi jagħmel spettaklu ta’ piroteknika waqt li qed itir.

Matul il-jum tal-ġimgħa kienu bosta dawk li qattgħu il-ħin tagħhom jistennew il-wasla ta’ diversi ajruplani militari. Kollha armati bil-cameras f’idejhom jistennew l-aħjar mumenti biex jieħdu ritratti partikolari tal-ajruplani mal-wasl tagħhom.

Għad-dilettanti se jkun possibli li jżuru l-ajruplani waqt il-wirja stattika tal-ajruplani, fejn fost oħrajn se jkun hemm ukoll ajruplani mir-Renju Unit, il-Polonja, Franza u l-Istati Uniti ma tonqosx ukoll il-parteċipazzjoni Maltija.