Internazzjonali

SENA WARA: l-azzjonijiet maqbula fil-Valletta Summit, għadhom fuq il-karta

Minkejja li f’Novembru li għadda waqt il-Valletta Summit, il-mexxejja tal-UE u dawk Afrikani qablu fuq sittax-il azzjoni biex tkun miġġielda l-immigrazzjoni irregolari, sa issa ma kien hemm l-ebda azzjoni konkreta.

Meta kien qed jindirizza l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Prim Ministru Joseph Muscat ammetta illi l-ispirtu tal-Valletta Summit baqa’ biss fil-kliem u l-intenzjonijiet. “Ħafna mill-azzjonijiet, sfortunatament, għadna irridu narawhom iseħħu”.

Fil-Valletta Summit kien intlaħaq qbil fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi li minnhom joriġinaw u jgħaddu l-immigranti lejn l-Ewropa. Id-delegazzjonijiet kollha qablu li jkun hemm proġetti li jwasslu għal iktar impjiegi għaż-żgħażagħ fil-Lvant, il-Punent u t-Tramuntana tal-Afrika anke taħt sistemi eżistenti tal-Unjoni Afrikana, b’enfasi fuq l-imprenditorjat u l-IT.

Punt t’azzjoni kien iddedikat speċifikament għal għajnuna diretta lejn iż-żoni l-aktar fqar u vulenrabbli.

Element ieħor kien biex l-Afrika tibbenifika bl-aqwa mod mill-flus li ħaddiema Afrikani fl-Ewropa jibagħtu lura lil nieshom.

Dawk rappreżentati fil-Valletta Summit qablu li l-privat jidħol biex jgħin filwaqt li banek ċentrali u kummerċjali, Ministeri tal-Finanzi u istituzzjonijiet oħra jsaħħu r-rendiment tagħhom f’dan il-qasam. Importanza partikolari bil-konribut tal-privat lill-qasam agrikolu. Għal dan kollu se jintuża t-Trust Fund għall-Afrika li jlahhaq kważi €2 biljun.

Kien hemm ukoll diversi proposti oħra li ssemmew: jiżdiedu scholarships taħt l-Erasmus+ għal studenti Afrikani u opportunitajiet għal-lecturers, proġett pilota ta’ migrazzjoni legali, għajnuna lir-refuġjati u immigranti interni fl-Afrika stess, jittejjeb ukoll il-proċess ta’ applikazzjoni għar-refuġju, u tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikanti.