Internazzjonali

Theddida għall-istampa fil-Polonja

L-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) qalet li l-Gvern Pollakk qed jissikka l-kontroll fuq il-midja pubblika u li l-konflitt li għaddej bejn dan il-Gvern u l-Ogħla Qorti tal-Polonja, flimkien ma’ leġiżlazzjoni riċenti antiterroristika, qed jipperikolaw l-espressjoni ħielsa fil-pajjiż partikulari.
Mindu, is-sena l-oħra, ħa l-poter fil-Polonja, il-Partit għal-Liġi u Ġustizzja (PiS) konservattiv ipprovda lill-Gvern bid-dritt li jaħtar kapijiet għax-xandir tal-istat. Il-Gvern ippermetta wkoll biex il-qawwiet tas-sigurtà Pollakki jkollhom poteri akbar ‘għal sorveljanza’, filwaqt li pprova jrażżan lill-Qorti Kostituzzjonali ta’ Varsavja.
Dawn il-passi qed jissarrfu f’differenzi mal-alleati ta’ Varsavja fil-pajjiżi tal-Punent tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-Istati Uniti. L-alleati tal-Polonja jinkwetaw li l-atteġġjament tal-PiS (partit ewroxettiku) qed itellef id-demokrazija u l-amministrazzjoni tal-liġi fil-Polonja, eksstat Komunista, li ilu membru tal-Unjoni Ewropea mill-2004.
Rappreżentanti tal-OSCE qalu li ‘fil-Polonja, illum, għaddejja sitwazzjoni kkumplikata ferm li, bla dubju, qed ittellef l-indipendenza tax-xandir pubbliku fil-pajjiż’.