Il-kumpanija Hanjin Shipping, waħda mill-kumpaniji li jġorru l-‘containers’, u li kienu jużaw il-Port Ħieles ta’ Malta, falliet fil-31 ta’ Awwissu li għadda. Din il-kumpanija Sud Koreana ħalliet warajha 66 bastiment fuq il-baħar mgħobbija b’kemm jiswew $14.5 biljun ta’ merċa. Artiklu f’The Economist tal-10 ta’ Settembru jgħid li fost l-ikbar tnax-il kumpanija ta’ linji tax-‘shipping’, ħdax ħabbru telf kbir fl-aħħar kwart tas-sena. Anke l-iktar kumpaniji b’saħħithom qed isofru. CMA CGM ta’ Franza, it-tielet l-ikbar fid-dinja, fit-2 ta’ Settembru ħabbret telf kbir għall-ewwel nofs ta’ din is-sena. Maersk Line, l-ikbar f’dan is-settur, se tkun ukoll tilfet din is-sena, fl-ewwel sitt xhur tilfet $107 miljun. Is-settur kollu jista’ jitlef sa $10 biljun din is-sena.
Il-Port Ħieles ta’ Malta hu wieħed mis-setturi ekonomiċi ewlenin ta’ pajjiżna mhux biss għax jagħti impjieg lil mijiet ta’ ħaddiema u hu sors ta’ dħul barrani, iżda wkoll għax jipprovdi servizz marittimi mad-dinja kollha għall-industrji Maltin. Għalhekk kull aħbar dwar dan is-settur tinteressana. Jekk tkun ħażina tinkwetana.
Il-Port Ħieles hu proġett ieħor ta’ gvernijiet Nazzjonalisti. Kienu saru pjani għalih fis-snin sittin, is-snin ta’ wara l-Indipendenza, meta Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier, kien qed iwettaq proġetti biex jinstab xogħol għall-eluf li kienu qed jitilfu l-impjiegi tagħhom mid-Dipartiment tas-Servizzi Ingliżi f’Malta. Kienet twaqqfet kumpanija li għamlet l-istudji kollha, lestiet pjanti u estimi u li kienet se tattwa l-proġett wara l-elezzjoni tal-1971. Biss bil-bidla fl-amministrazzjoni, Gvern Laburista mmexxi mill-Perit Duminku Mintoff deherlu mod ieħor. Il-proġett tpoġġa fuq l-ixkaffa.
Kumpanija biex tmexxi l-Freeport twaqqfet fl-1988 meta kien hemm fil-Gverm il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami li ta prijorità lil dan il-proġett ewlieni. Hekk bit-twaqqif tal-Port Ħieles, il-Malta Freeport kien l-ewwel hub għat-trasbord fil-Mediterran.
Fl-2001 il-kumpanija tal-Malta Freeport kienet privatizzata u twaqqfet il-Malta Freeport Terminals Ltd, li hi azjenda bi sħab bejn is-CMA CGA SA u Jidirim Holding AS (kumpanija mit-Turkija).
Bosta investiment
F’Ottubru 2004, il-Gvern Malti ta lis-CMA CGA konċessjoni ta’ 30 sena biex topera u tiżviluppa l-Malta Freeport Terminal. Fi Frar tal-2008 il-konċessjoni ġiet estiża għal 65 sena, miżura li wasslet lill-kumpanija biex investiet €25 miljun fi krejnijiet ta’ fuq il-moll li huma fost l-ikbar fil-Mediterran. Tkabbru wkoll il-mollijiet. Terminal One ttawwal għal 290 metru, Terminal Two ttawwal bi 33 metru għal 513-il metru. Twettaq programm vast ta’ dredging li ppermetta li bastimenti ikbar ikunu jistgħu jirmiġġjaw. Tkabbret ukoll l-area fejn jinżammu l-containers.
L-estensjoni tal-mollijiet u t-tagħmir ġdid wassal biex diversi kumpaniji jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-Port Ħieles ta’ pajjiżna. Dawn jinkludu ż-żewġ alleanzi kbar: it-2M li tiġbor fiha l-Maersk Line u MSC: u l-Ocean Three magħmula mis-CMA CGM, UASC u China Shipping. Kumpaniji oħrajn li jużaw il-faċilitajiet tal-Freeport ta’ Malta jinkludu lil Seago Line, Hapag-Lloyd u Hamburg Sud. Sa ma falliet kienet tuża wkoll il-Freeport tagħna il-Hanjin Shipping.
Bil-prezz baxx taż-żejt ħafna kienu jistennew li dawn il-kumpaniji se jmorru aħjar. Iżda mhux hekk ġara. Dan għaliex illum hemm kapaċità żejda l-aktar minħabba li nbnew numru ta’ bastimenti enormi magħrufa bħal ‘Triple-E’ li jġorru fuqhom qrib il-20,000 container.
The Economist semma’ li l-kumpanija Daniża Maersk Group probabbilment tilfet biss $11 kull container li wasslet, ħafna inqas minn telf ta’ $100 kull container li ġarrbu kumpaniji bħal Hanjin, li falliet. Iżda ħadd ma jieħu pjaċir jitlef!
Miżuri korrettivi
Dan qed iwassal diversi kumpaniji biex jieħdu miżuri korrettivi fosthom biex diversi minnhom daħlu f’partnerships biex jaqsmu l-ispazju fuq il-bastimenti tagħhom. Twaqqfu t-2M li jużaw il-freeport tagħna filwaqt li f’April kien hemm erba’ kumpaniji oħra li ngħaqdu u f’Mejju ngħaqdu sitt kumpaniji oħra. B’hekk dawn inaqqsu mill-ispejjeż tal-operazzjoni.
Meta kumpaniji jitilfu jagħmlu l-ekonomija minn kollox. Jippruvaw inaqqsu mill-ispejjeż fuq kull ħaġa marbuta man-negozju tagħhom. M’hemmx dubbju li hekk se jkompli jiġri.
Il-kumpanija li tmexxi il-Freeport tagħna hi fl-istess waqt kumpanija li ġġor ukoll il-containers. Għalhekk ma nieħdu xejn bi kbir jekk l-ewwel pass ikun li jnaqqsu l-investiment tagħhom fil-Freeport. Dan jista’ anke jkollu effett negattiv fuq il-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur.
Il-Gvern, anke jekk mhux parti mill-kumpanija, irid iżomm taħt għajnejh is-sitwazzjoni kif qed tiżviluppa. Sitwazzjoni internazzjonali li qed tolqot lill-kumpaniji kollha. Irid joqgħod attent li ma jiħux xi miżuri li jġerrxu lil dawn il-kumpaniji li tant investew u għadhom jinvestu f’pajjiżna.
Bħalissa jiġi quddiem għajnejha t-tanker bil-gass li se jiddomina l-port ta’ Marsaxlokk. Sar studju jekk dan hux se jostakola l-bastimenti li jużaw il-Freeport? Jista’ dan b’xi mod jostakola l-ħidma tal-Freeport li l-iktar ħaġa importanti tiegħu hi li jagħti lill-klijent l-aħjar servizz fl-inqas ħin possibbli?
Storja twila ta’ suċċess
Il-Freeport mhux biss ħatt u tagħbija ta’ containers, mhux biss magażinaġġ, mhux biss ħażna ta’ żejt. Il-Freeport hu wkoll servizz importanti lis-settur tal-manifattura tagħna li jutilizza l-linji kollha tat-trasport bil-baħar li jgħaddu mill-Freeport tagħna biex jesportaw il-prodotti tagħhom.
Il-Freeport kien għal dawn l-aħħar 28 sena storja twila ta’ suċċess. Żviluppa għal dak li hu llum. Illum il-Port Ħieles ta’ Malta hu t-tielet l-ikbar ċentru tat-trasbord u loġistika fir-reġjun tal-Mediterran u jinstab fit-tnax-il post fost il-portijiet Ewropej. Il-qagħda preżenti tat-trasport bil-baħar tpoġġi fuq kulħadd responsabbiltà ikbar biex il-Malta Freeport Terminals mhux biss joħorġu minn din il-kriżi bla brix, iżda jkomplu jespandu għall-istess gwadann tagħhom, għall-ġid tal-ħaddiema li għandhom magħhom u fl-interess ta’ pajjiżna.