Aġġornata
Fuq il-post, Pulizija li ntbgħatu, segwew l-attivisti jqaċċtu l-fence u jidħlu f’Manoel Island… iżda ma ntervjenewx.
Għall-protesta attendew ħafna nies, li l-ewwel inġabru quddiem il-grada ewlenija, fejn semgħu diskorsi minn Andre Callus mill-Kamp Emerġenza Ambjent u mis-Sindku tal-Gżira. Preżenti wkoll il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Gżira.
Filfatt, l-inizjattiva dwar l-aċċess għal Manoel Island ittieħdet mill-Kunsill Lokali preżenti, b’appoġġ mill-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista. Tkellimna mal-Deputat Nazzjonalista David Agius, li spjega meta Manoel Island kienet għaddiet għand il-MIDI għal skop ta’ riġenerazzjoni, kien hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-kamra li dan isir.
Żied li issa għadda wisq żmien fejn ma sarx riġenerazzjoni kif kien stipulat mill-kuntratt, u għaldaqstant l-aċċess għandu jingħata. Meta tibda r-riġenerazzjoni, l-aċċess xorta waħda għandu jibqa’ pprovdut iżda b’mod li ma jipperikolax is-sigurtà tal-pubbliku.
David Agius saħaq li dan kollu qed isir f’ambitu ta’ liġi dwar id-dominju pubbliku, li għaddiet mill-Parlament fuq inizjattiva tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista. B’din il-liġi, hemm iswed fuq l-abjad li x-xtut kollha huma propjetà tal-pubbliku.
Sadanittant, il-Gvern qal li fetaħ protest ġudizzjarju kontra l-MIDI, wara ġimgħat ta’ pressjoni mill-Kunsill Lokali tal-Gżira u mill-attivisti, li qed jinsistu li l-aċċess għandu jingħata bi dritt lllum qabel għada.
Il-protesta tas-Sibt filgħodu, li għaliha attendew nies minn kull mixja tal-ħajja, tkompli tibni fuq dak li seħħ il-lejl ta’ qabel – meta attivisti qasmu bil-baħar biex telgħu fuq ix-xtut ta’ Manoel Island – f’protesta simbolika li matulha waħħlu banner kbir bil-kliem ‘Aċċess bi Dritt’.
Preżenti għall-protesta kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent Charlo Bonnici.
//= $special ?>