BLOGS

Għażla libera

1. Bħalma filgħaxija lejlet il-jum nazzjonali tal-Indipendenza konna fil-libertà u għalhekk għażilna, mal-eluf li nġabru fuq il-Fosos, daqshekk ieħor għamilna l-għada. L-Indipendenza hija festa tal-għaqda nazzjonali. Kull min huwa ta’ rieda tajba kellu din l-istedina li jingħaqad ma’ min irid ifakkar u jiċċelebra. Daqshekk ieħor kellna b’mod partikolari aħna l-Membri Parlamentari li fil-jum proprju ningħaqdu għall-Pontifikal fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Mhux kulħadd ġabar l-istedina. Minn Kabinett ta’ 23 kien hemm ħamsa jattendu u mid-Deputati l-maġġoranza assoluta preżenti kienet ġejja mill-bank tal-Oppożizzjoni. Ħadd ma kien imġiegħel, kull persuna kienet fl-għażla libera tagħha tiġix jew le.

Ippreparata u studjata
2. Ingħad sew dwar l-omelija tal-Arċisqof Charles Scicluna. Uħud telqu jiġru jikkummentaw mingħajr ma rriflettew u ngħad kliem li kien barra mill-kuntest. Insew, forsi, li l-Knisja Kattolika għandha d-dmir li tgħallem u s-semma’ l-vuċi tagħha. Mhux biss, imma, dejjem għal min irid jisma’, jista’ jieħu mingħandha direzzjoni. Ma kienx xi diskors ta’ protesta, anqas ta’ dikjarazzjonijiet beliġeranti. Kienet omelija kif għandha tkun, attenta, studjata, ippreparata, maqluba wkoll għal-lingwa Ingliża u f’idejn kull min għażel li jattendi. Nittama li ħadd ma stenna li dan ma jsirx. Għax jekk morna liberament nisimgħu l-quddies ma stajniex ma nippretendux li dan iseħħ jew li jkun hemm diskors li ma jmissniex.

Gwida għal min huwa fil-politika
3. Kif dħalt u sibtni fil-post li qegħduni fih ġiet f’daqqa din l-omelija stampata f’idi. Qrajtha minnufih għax kienet l-ewwel darba li dan il-bniedem intelliġenti u għaqli għażel din it-triq. Qegħidha għad-dispożizzjoni tagħna f’eżerċizzju ta’ preċiżjoni, trasparenza u akkontabbiltà partikolari. Miktuba tajba u moqrija bis-sens, mill-qalb, ibbażata u mmexxija minn intenzjonijiet rettissimi. Il-kontenut tagħha huwa gwida għal min huwa fil-ħajja politika, għal min huwa Nisrani fil-politika u lezzjoni għal dawk minna li jikkonsidraw ruħhom Demokristjani. Bażi ta’ riflessjoni għal min huwa ta’ rieda tajba u jipprova jaħdem fl-għalqa politika bl-intenzjoni retta quddiemu. Dejjem però għad-dispożizzjoni ta’ min fil-libertà ried jagħti widen.

Kriterju ta’ governanza
4. Għax għalkemm l-omelija ma hix diskors politiku, għandha l-abbiltà, fiha s-sustanza li tiġi tradotta, maqluba u trasformata f’ħidma politika li tkun aqwa minn dik li wieħed ikun qiegħed iwettaq. Kienet u tibqa’ f’dan okkażjoni li tibqa’ tiftakarha. Waħda li l-jum tal-Indipendenza jimmerita li tingħad minn mexxej denn tal-Knisja. Waħda li hija sejħa lejn kwalità aqwa ta’ ħidma, ta’ għarfien iktar fil-fond fuq ħidmiet attwali u l-futur tal-bniedem. Huwa kliem li kif turi l-istess hija “kriterju għal governanza tajba, dik il-governanza li hi (l-ewwel) denja tal-familja umana u (it-tieni) li l-politika trid, wieħed jittama, taspira għaliha.” Nistgħu fl-libertà tagħna issa, li smajnieha, neħduha, inħaddmuha u nistgħu le.

Fittex it-tajjeb u evita l-ħażin
5. Il-messaġġ Nisrani kien immirat lejn pożizzjonijiet li għandna lkoll bħala pajjiż naċċettaw u nħaddmu fihom fin-normalità tal-affarijiet. L-ewwel l-għaqda nazzjonali, kontra l-firda fil-poplu. Għax “Il-governanza li tifred, li hija mibnija fuq il-privileġġ tal-ftit jew li tippromwovi bla skrupli lealtà lejn partit politiku iktar milli lejn l-Istat, hija tradiment u velenu għall-ġid komuni tas-soċjeta.” It-tieni, immirata lejn ugwaljanza bejn il-bnedmin li jgħixu fuq din il-gżira. It-tielet, tal-bżonn li jiġi affermat mill-ġdid li hemm sewwa u mhux u li hemm verità u nuqqas tagħha. Kif ukoll li min huwa fil-politika għandu jaħdem sabiex jassigura iktar sewwa u verità fis-soċjetà u ma jkunx strument tal-kontra. Dawn huma “l-pedamenti ta’ ħajja umana awtentika” li jiċħdu fil-verità l-iżball tar-relattiviżmu li diversi żbaljatament qed iħaddnu u jgħixu.

Piż dirett fuq il-Gvern
6. Għax il-verità u s-sewwa jopponu u jirreżistu l-egoiżmu u l-materjaliżmu. Il-messaġġ huwa f’dan sejħa ikbar sabiex min ikollu f’idejh il-poter jaħrab dawn il-gambetti lill-ġid komuni. Il-piż dirett u prinċipali huwa dejjem fuq widnet il-Gvern tal-ġurnata li, bl-aġir tiegħu għandu bżonn li jingħadlu dan. Iktar ċar l-Arċisqof ma jistax ikun meta jgħid li “L-istat għandu jrażżan sewwa r-regħba tal-ftit li jaħsbu biss biex iħaxxnu buthom b’detriment tal-ħafna.” U iktar ‘il quddiem, “Il-governanza mibnija fuq it-tgħawwiġ tal-verità, fuq il-ftehimiet oskuri u fuq ir-rifjut stinat tal-iskrutinju tal-pubbliku, minkejja l-ħafna liġijiet u wegħdiet solenni, ma tista’ qatt tkun ikkunsidrata bħala governanza tajba.” Kliem li jżommuk taħseb u tirrifletti iżda indirizzat biex ibiddel il-preżent għas-sewwa fil-futur.

L-ideali Demokristjani tagħna
7. Nittama li għandi tort biss wisq nibża’ li din l-omelija se taqa’ fuq il-widnejn torox tal-Gvern preżenti. Imma jrid jingħad ukoll fuq in-naħa l-oħra li l-ideat, il-ħsibijiet f’dan id-dokument qsajjar huma bażi ta’ iktar minn riflessjoni għalina fil-Partit Nazzjonalista. Għax għalkemm ma għandniex ir-responsabbiltà preżenti tal-poter, għandna oħrajn. Dawk li jitwieldu minn awtokritika pożittiva, lejn preparazzjoni, lejn għarfien aħjar tal-għeruq u l-valuri Nsara tagħna. Lejn id-difiża, il-protezzjoni u l-għarfien mill-ġdid tal-bażi ideoloġika tal-Partit Nazzjonalista. Li wieħed f’dan joħroġ iktar għad-dawl l-ideali Demokristjani tagħna. Ikompli jassigura l-leħen pur tiegħu b’politika moderna u aġġornata. F’din il-linja din l-omelija hija għodda u fl-istess ħin sfida għalina wkoll. Għax għal ħidma politika li fil-libertà għażilna li nwettqu għandna d-dmir li naħdmu sabiex issir ferm u ferm aħjar minn dik tal-Gvern preżenti issa u meta għada pitgħada l-poplu jagħtina lura l-fiduċja tiegħu.