Fl-14 ta’ Settembru li għadda ltqajna fid-Dar Ċentrali biex segwejna d-Dokumentarju Speċjali li ħejjejt bħala membru tat-tim tal-programm Iswed fuq l-Abjad. In-nies attendiet bi ħġarha biex segwew l-istorja dwar ix-xandir tal-PN minn Sqallija. Segwew b’attenzjoni l-mumenti li juru tmexxija serja u l-mumenti ta’ ċelebrazzjoni. Bosta ħassewhom emozzjonati għaliex ftakkru minn xiex għadda pajjiżna biex llum ingawdu l-libertà u d-dritt tal-espressjoni.
Ħdimna fuq dan d-dokumentarju bl-ikbar serjetà b’konsultazzjoni kontinwa ma’ Richard Muscat – il-protagonista tax-xandir tal-PN minn Sqallija. Id-dokumentarju għal ħafna li segweh kien vjaġġ lura fiż-żmien. Għalija kien vjagg ta’ skoperti. Skoprejt karattri, avvenimenti u filmati esklussivi. Iżda laqatni dejjem aspett wieħed – is-serjetà fit-tmexxija.
F’dik l-parti tal-istorja, il-Partit Nazzjonalista wera li bis-serjetà ried imexxi pajjiż li jaghti libertà u indipendenza lil kull persuna biex tiżviluppa l-potenzjal tagħha. Wera li bis-serjetà kien se jħares d-drittijiet tan-nies tant li b’determinazzjoni kbira rnexxilu jxandar l-messaġġ tiegħu anke jekk minn pajjiż ieħor – minn Sqallija.
Mill-messaġġ ta’ Eddie Fenech Adami fl-għeluq tal-kampanja tal-Elezzjoni Generali 1981 kien hemm messaġġ serju ta’ partit li jrid jgħaqqad poplu u meta wara dik l-elezzjoni ġie mċaħħad milli jigverna kompla jaħdem bis-serjetà, mhux bil-vjolenza, sa ma wasal għal rebha fl-1987.
Din l-parti tal-istorja tissimbolizza Partit Nazzjonalista li kien impenjat iħares prinċipji baziċi għal tmexxija serja. Illum reġa’ hu msejjah iħares prinċipji bażiċi u serji.
It-tmexxija ta’ Simon Busuttil hija bbazzata fuq prinċipji ċari. Din l-leġislatura mhix triq faċli għall-PN imma hemm triq li hija ċara. Il-PN qed jitkellem fuq prinċipji. Minnhom iridu joħorgu l-proposti għall-programm elettorali li jmiss. Xi wħud minn dawn diġa’ tħabbru mill-Kap tal-PN waqt il-mass meeting tal-Festi tal-Indipendenza.
Il-proposti li jagħtu aktar flus fil-but lil anzjani u persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali; li jirrispttaw lill-ħaddiema; li jagħtu vuċi lil aktar żgħażagħ u jinkoragixxu lil persuni bi bżonnijiet speċjali jiffukaw fuq l-abilità mhux d-diżabilità tagħhom huma mfassla fuq l-prinċipji tal-ugwaljanza, l-ġustizzja u s-solidarjetà. Huma proposti maħsuba li jgħinu lil min qed iħossu minsi minn Gvern ffukat fuq l-but ta’ min hu qrib tiegħu. Huma proposti li jgħinu lil min qed iħossu vulnerabbli taħt it-tmexxija tal-Gvern preżenti.
Kandidat Serju
Simon Busuttil jitkellem f’kull messaġġ dwar l-prinċipji tal-meritokrazija, t-trasparenza u l-ugwaljanza.
Mill-kandidati wkoll mistennija politika serja. Is-serjeta’ titlob li kandidat ma jidħaqx bin-nies billi jagħmel wegħdi fierħa. Faċli twiegħed. Imma n-nies darba tidhaq bihom. Jekk twiegħed kollox lil kulħadd, fil-mument tal-prova tinkixef l-maskra tiegħek u n-nies titlef l-fiduċja f’dak il-kandidat disonest.
Il-kandidat kapaċi jikkonvinċi mhux bid-daħq fil-wiċċ imma billi jħaddan prinċipji sodi u serji. Jiena determinata li naħdem biex fis-soċjetà tagħna tkompli tissaħħaħ l-ugwaljanza.
Mezz importanti kif tissaħħaħ l-ugwaljanza fis-socjetà tagħna huwa billi jkollna Grupp Parlamentari b’Membri Parlamentari li jirrapreżentaw s-setturi differenti tas-soċjeta’. B’hekk ikollna Parlament li jirrapreżenta b’mod aktar effettiv il-bżonnijiet u l-isfidi ta’ nies differenti.
Bla dubju li l-Parlament tagħna ghadu l-bogħod hafna milli jirrapreżenta l-ugwaljanza fost s-sessi. Għad għandna distakk qawwi ħafna bejn n-numru ta’ rġiel u nisa eletti. Meta nżur id-djar tan-nies qed niltaqa’ ma’ bosta sfidi li jiffaċċjaw n-nisa u li ftit li xejn nisimgħu politiċi jitkellmu dwarhom. Iltqajt ma’ esperjenzi ta’ nisa li ilhom is-snin jistennew li jiftħu qalbhom ma’ xi ħadd iżda qatt ma sabu persuna li jħossu li tista’ tifhimhom jew tirrapreżentaw ghaliex l-istejjer personali tagħhom jħossuhom iktar komdi jitkellmu dwarhom ma’ mara bħalhom.
Dan ma jfissirx li wieħed ghandu jivvota għal kandidat ibbazzat fuq s-sess tiegħu jew tagħha. Huma l-partiti politiċi li jridu jippreżentaw kandidati nisa u rġiel li huma kapaċi. Iżda dan mhux faċli. B’mod speċjali minħabba li l-mara diga’ tiffaċċja sfidi kbar biex tlaħħaq max-xogħol tad-dar, it-trobbija tat-tfal u l-karriera. Li ma dan zzid l-politika tagħmel l-ħajja ħafna iktar difficli għal mara u l-familja tagħha. Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi ħafna nisa li huma kapaċi li jservu fil-Parlament ma jaċċettawx li jkunu kandidati u allura jibqa’ jkun hemm distakk fin-numru ta’ nisa kandidati u nisa eletti fil-Parlament. Nistqarr li mingħajr appoġġ kbir mill-qraba tiegħi ma jkunx possibli għalija li nkun kandidata għall-Parlament waqt li nkompli bil-ħidma tiegħi bħala Avukata u omm ta’ tarbija.
Iżda jiena determinata li naħdem biex l-mara timxi iktar ‘l quddiem fis-soċjeta’ tagħna u għalhekk ma stajtx nibqa’ siekta quddiem is-sejħa tal-Kap tal-PN li nikkontesta l-Elezzjoni għall-Parlament ħalli ngħin biex ngħelbu l-isfida ewlenija li l-partiti politiċi ma jsibux nisa kapaċi li lesti jagħtu ħin sostanzjali għal servizz fil-Parlament tagħna.
Nibqa’ determinata li naħdem fil-PN għall-politika serja li tippromwovi l-ugwaljanza u s-solidarjeta’ bejn is-setturi kollha tas-socjeta’ tagħna. Dan se naghmlu billi nkun viċin in-nies u l-vuċi tan-nies.
//= $special ?>