Surġent tal-Pulizija rrakkonta kif waqt tfittxija f’maħżen f’Ħal Qormi ħass is-sieq ta’ persuna li rriżulta li kienet ta’ Eleanor Mangion Walker, l-aħħar vittma ta’ qtil f’pajjiżna.
Is-Surġent Norman Xuereb kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Andrew Mangion, ir-raġel ta’ Eleanor, li jinsab mixli bl-istess delitt, li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke.
Il-katavru ta’ Mangion Walker kien instab ġol-maħżen fit-3 ta’ Lulju li għadda għalkemm il-Pulizija temmen li hija nqatlet fil-jum ta’ qabel.
Mangion, li għandu 40 sena, qed jiċħad li kien hu li wettaq id-delitt u fl-interrogazzjoni tal-Pulizija qal li kien ħaddieħor li qatilha.
Il-koppja, li iżżewġet fl-2009 u kellhom tifla li llum għandha disa’ snin, kienet għaddejja minn proċeduri ta’ separazzjoni.
Is-Surġent Xuereb spjega kif sema pulizija mill-‘control room’ titlob l-għajnuna għax f’Birkirkara kien hemm persuna aġitata li kienet qed tgħid li sar delitt.
Kien għalhekk li huwa mar fuq il-post fejn sab żewġ pulizija tal-RIU u żewġt irġiel fejn wieħed minnhom, ċertu Grezzju Micallef, beda jgħid “x’għamilli n-neputi! x’għamilli n-neputi!”.
Ix-xhud sostna li Micallef qalilhom li Mangion talbu jgħinu biex iġorr xi pellets u kif daħal fil-vann tal-akkużat dan qallu li mhux pellets riedu jgħinu jgħabbi imma katavru.
Is-Surġent Xuereb sostna li wara li ippruvaw jikkalmawh talbuh jgħidilhom fejn kien il-post fejn kien hemm il-pellets jew il-katavru u Micallef ħadhom ħdejn maħżen f’Ħal Qormi.
Wara li ntalbet l-għajnuna tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jisgassaw il-garaxxijiet il-pulizija daħlu jfittxu fejn fl-ewwel wieħed ma sabu xejn.
Ix-xhud kompla li x’ħin kienu fit-tieni garaxx huma ra xi pellets u ġieh suspett. Kien x’ħin resaq lejhom u niżel kokka biex jara x’kien hemm taħthom li ħass sieq ġo borża tal-plastik.
Is-Surġent Xuereb qal li huwa nforma lill-kollegi tiegħu biex iġibu s-‘surgical gloves’ u x’ħin fetaħ iż-żipp tal-borża sabu il-katavru tal-mara.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kylie Borg waqt li l-Avukat Joseph Giglio qed jidher għall-akkużat. L-Avukati Michael Sciriha u Lucio Sciriha qed jidhru parte civile.
//= $special ?>