Futbol Sport

Allardyce jirriżenja mill-irwol ta’ manager tat-tim nazzjonali Ingliż

Rapporti fil-media Ingliża żvelaw li Sam Allardyce – li ilu fil-kariga ta’ manager għal tliet xhur, irriżenja mill-kariga ftit tal-jiem biss qabel li t-tim nazzjonali Ingliż jilgħab kontra Malta.

Dalgħodu tħabbar rapport investigattiv mill-ġurnal Daily Telegraph żvela filmati fejn il-manager tat-tim nazzjonali Ingliż Sam Allardyce – li ilu fil-kariga għal tliet xhur biss – jidher jinnegozja kuntratt massiċċ ta’ £400,000 biex joffri pariri lill-kumpanija Ażjatika. Allardyce jinstema’ jispjega metodi kif wieħed jista’ idur mar-regoli tal-FA waqt is-suq tat-trasferimenti, u f’parti mill-intervista instema’ ukoll jinsulenta lill-predeċessur tiegħu Roy Hodgson.

L-investigazzjoni tal-ġurnalisti Ingliżi (illi iltaqgħu ma’ Allardyce taparsi kienu negozjanti) ilha għaddejja 10 xhur sħaħ u qed tiffoka fuq korruzzjoni u tixħim fil-futbol Ingliż.

L-eks-plejer tat-tim nazzjonali Ingliż, Gareth Southgate se jkun qed jieħu t-tmexxija temporanja tat-tim, u b’hekk se jkun hu li jpoġġi fuq il-bank fil-partita kontra Malta fit-8 t’Ottubru li ġej.