BLOGS

Diskorsi li nixtiequ nisimgħu

Il-ġimgħa li għaddiet saru żewġ diskorsi importanti, wieħed f’Ruma u l-ieħor f’Malta li għandhom iħalluna nirriflettu ħafna dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna. Diskorsi li saru minn persuni li mhumiex politiċi, iżda li l-politika tinteressahom u li bi dritt jitkellmu meta l-affarijiet li jsiru jew ikunu se jsiru fit-territorji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà li minnha huma spiritwalment responsabbli, ma jkunux sejrin sew. Huma diskorsi li kull min għandu rieda tajba jixtieq jisma’ aktar bħalhom.
Qed nirreferi għad-diskors li l-Papa Franġisku għamel f’Ruma nhar il-Ħamis li għadda meta quddiemu kellu madwar 400 ġurnalist. Il-Mexxej tal-Knisja Kattolika hu r-ragħaj spiritwali tad-dinja kollha, u dak li qal ma kienx jgħodd biss għal Ruma jew għall-Italja imma għad-dinja kollha.
Il-Papa wissa’ li meta l-ġurnaliżmu jkun ibbażat fuq iz-zekzik u diċerija jista’ jitqies bħala terroriżmu jew arma ta’ distruzzjoni kemm ta’ persuni kif ukoll ta’ nazzjonijiet. “Jien spiss tkellimt dwar id-diċeriji u ddeskrivejthom bħala terroriżmu u kif b’ilsienek tista’ toqtol persuna. Jekk dan hu hekk għal individwu hu min hu, kemm hu aktar hekk għall-ġurnalisti li l-vuċi jew kitba tagħhom tilħaq lil kulħadd u hi arma b’saħħitha ħafna.”
Il-Papa kompla jgħid li l-kritika hi leġittima kif hu leġittimu wkoll il-kxif ta’ dak li hu ħażin imma dan għandu jsir bir-rispett lejn xulxin u għall-ħajja tal-oħrajn għax artiklu jista’ jinbidel minn jum għal ieħor iżda l-ħajja ta’ persuna malafamata inġustament tista’ tinqered għalkollox.

Intlaqa’ b’mod pożittiv
Dan id-diskors intlaqa’ b’mod pożittiv minn kulħadd anke f’Malta, u saħansitra l-Ministru Evarist Bartolo li hu wkoll ġej mill-qasam ġurnalistiku, ikkummenta pożittivament dwar dan. U aħna l-ġurnalisti għandna nixtarruh fil-fond.
Id-diskors l-ieħor sar mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna fl-okkażjoni tal-quddiesa pontifikali biex tfakkar Jum l-Indipendenza.
L-Arċisqof semma erba’ valuri li fuqhom għandha tkun ibbażata l-governanza tajba. L-għaqda, it-tjubija, il-verità u s-sbuħija.
Dwar l-għaqda l-Arċisqof qal li l-iggvernar ta’ pajjiż l-ewwel u qabel kollox irid ikun ibbażat b’mod li jġib l-għaqda nazzjonali. Politika diviżiva maħsuba biex tipprivileġġja lil ftit jew li b’mod sfaċċat tippromwovi lealtà lejn xi partit politiku flok l-Istat, hi velenu għall-ġid komuni tas-soċjetà. Kull ċittadin għandu dritt jibbenefika mis-servizzi tal-Gvern irrispettivament minn min hu. Il-ġlieda kontra diskriminazzjoni inġusta hi ġlieda favur l-għaqda nazzjonali.

Ġid komuni
Dwar it-tjubija, Monsinjur Scicluna qal li meta l-ġid komuni jkun sagrifikat għall-interessi tal-ftit ibbażat fuq il-ġlieda bla waqfien għall-qligħ materjali akkost ta’ kollox, allura nistgħu ngħidu li l-Istat hu marid.
Meta tkellem dwar il-valur tal-verità l-Arċisqof inisista li f’kull wieħed minna hemm istint naturali li jgħallimna liema affarijiet huma bażati fuq il-verità: imma veri u jaqblu mal-fatti. “Iggvernar ibbażat fuq it-tidwir tal-verità, fuq negozjati oskuri u fuq ir-rifjut kontinwu tal-iskrutinju tal-poplu, minkejja l-liġijiet u l-wegħdiet, żgur li mhux governanza tajba. Gvern ibbażat fuq in-nuqqas ta’ rispett lejn il-verità, xi darba se jisplodi fih innifsu filwaqt li t-trasparenza u l-kontabbiltà huma valuri li jagħmel lilna l-Maltin verament u bi dritt kburin bil-Gvern tagħna.”
Dwar il-valur tas-sbuħija, l-Arċisqof qal li ma kienx qed jirreferi għas-sbuħija fiżika tal-politiċi imma dwar dak li ddeskriva bħala l-“għerf tal-qalb”. Qal li jħossu konvint li ċittadin edukat, furmat u mħarreġ fil-verità u t-tjubija jiżvilupp l-għerf tal-qalb li jippromwovi u jissalvagwardja s-sbuħija tal-arti, l-ambjent, l-arkitettura. Hu staqsa jekk it-tkerrih tal-wirt naturali u storiku hux sintomu ta’ nuqqas ta’ għerf tal-qalb. Għall-kuntrarju, Gvern li jkompli jirrestawra u jipproteġi l-wirt ta’ pajjiżna u b’enerġija jiddefendi l-indafa tal-ibħra tagħna u jħalli biss żvilupp sostenibbli, ikun espressjoni tal-għerf tal-qalb tan-nazzjon.
Tgħid dan id-diskors tal-Arċisqof se jsib l-istess apprezzament kif sab dak li l-Papa Franġisku għamel l-għada tal-Indipendenza?
Nistennew u naraw.