Is-Sindku Laburista tal-Gudja qed ikompli jagħmel ta’ rasu u minkejja l-pressjoni mir-residenti Gudjani qed jibqa’ jinjora dawn it-talbiet.
It-Tnejn Il-Viċi Sindku Laburista tal-Gudja Romeo Baldacchino ressaq mozzjoni sabiex il-Kunsill Lokali tal-Gudja jkun aċċessibbli għal persuni b’diżabilita’ u għall-anzjani, kemm jista’ jkun malajr u dan wara li fuq il-binja li tinsab fi Triq Raymond Caruana, sar xogħol ta’ restawr. Din il-mozzjoni li tressqet il-ġimgħa li għaddiet kienet sekondata anke mill-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.
Il-Viċi Sindku Laburista u l-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalita argumentaw li mhux sew li qed issir pressjoni fuq il-Kunsill Lokali tal-Gudja, mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali sabiex il-Kunsill ma jagħtix prijorita lill-aċċessibilita’ tal-binja minn fejn jaħdem.
Jirriżulta li s-Sindku tal-Gudja John Mary Calleja malli fetaħ il-laqgħa biex tkun diskussa l-mozzjoni, qal li l-mozzjoni ma tistax tkun diskussa għaliex hi ‘ l barra mill-poter tal-Kunsill u għalhekk ma ppermettix li l-mozzjoni tkun diskussa.
Is-Sindku tal-Gudja John Mary Calleja jinsab investigat mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u dan l-aħħar ġie żvelat li jieħu d-direzzjoni għad-deċiżjonijiet tiegħu mill-Partit Laburista minflok jaħdem għal interess tal-Gudjani kollha.
Jirriżulta wkoll li ħafna mir-residenti u membri tal-istess Kunsill Lokali jinsabu urtati u diżappuntati li għal darb’oħra qed jiġi ikkonfermat li l-Kunsill tal-Gudja huwa mmexxi minn Sindku li jkompli jagħmel li jrid mingħajr konsultazzjoni mal-kunsilliera. Dan minbarra li ħarbat laqgħa msejħa mill-Kunsilliera kif inhu dritt tagħhom skont il-liġi, u għalaq ħalq il-Kunsill Lokali milli biss jiddiskuti l-mozzjoni li saret fl-interess tar-residenti.
Bħalissa l-Kunsill Lokali tal-Gudja qed joffri s-servizzi tiegħu mil-Librerija Pubblika tal-Iskola Primarja tal-lokal u l-post hu aċċessibbli kemm għal persuni b’diżabilita’ u anke għall-anzjani. Għal din ir-raġuni l-ammont ta’ persuni li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Kunsill qed jiżdied.
Il-mozzjoni tgħid li filwaqt li l-Kunsill Lokali jaqbel li l-laqgħat uffiċjali jsiru fl-Uffiċċju Amministrattiv fil-binja tal-Kunsill li fuqha sar ir-restawr, il-Kunsill jixtieq li jibqa’ joffri s-servizzi lir-residenti mill-post li joffri l-aktar aċċessibilita’ jiġifieri mil-Librerija Pubblika tal-Iskola Primarja tal-Gudja, almenu sakemm tkun solvuta l-problema ta’ aċċessibilita’ fil-bini propja tal-Kunsill Lokali.
//= $special ?>