BLOGS

Proposti għal politika serja

Dan il-Gvern ġie elett b’roadmap ta’ ftehimiet korrotti maqbula minn qabel l-elezzjoni ġenerali. Dan jidher ċar mill-ħemel skandli li rajna sa mill-ewwel jiem ta’ dan il-Gvern fl-2013.
B’differenza għal dan, kif Simon Busuttil wera fid-diskors tiegħu fil-mass meeting lejlet l-Indipendenza ġimgħa ilu, il-mod kif issir politika serja hu billi jkun onest u miftuħ minn mal-poplu u minn issa ħareġ bi proposti ċari u ta’ fejda li jolqtu mill-viċin għat-tajjeb il-ħajja tiegħek. Proposti biex nirnexxu lkoll flimkien. Proposti biex iwieġbu għall-bżonnijiet tan-nies illum. Proposti li saru issa għax hekk jixraq lill-intelliġenza tan-nies.
Simon Busuttil wera l-bżonn li jiġu attirati industriji ġodda lejn pajjiżna ħalli jkun hawn xogħol aħjar b’pagi aħjar. Taqbel jew ma taqbilx mal-kunċett, l-uniku industrija ġdida li dan il-Gvern ġab lejn pajjiżna kien il-bejgħ tal-passaporti. Aħna nemmnu li pajjiżna jixraqlu aħjar. Simon Busuttil jemmen li Malta għandha tkun fus tal-loġistika fil-Mediterran.
Għandna niżviluppaw industrija li żżewweġ flimkien it-teknoloġija mas-servizzi finanzjarji, pereżempju. Irridu iktar taħriġ għall-ħaddiema Maltin biex ix-xogħol jibqa’ f’idejn il-Maltin.

Għajnuna għall-kirjiet
Laqtuni b’mod partikulari l-proposti ta’ child care b’xejn għal kulħadd għax il-Gvern m’għandux jiddiskrimina fiċ-child care, użu ta’ sick leave tal-ġenituri f’każ ta’ mard tat-tfal, il-light railway bejn Malta u Għawdex, għajnuna lil dawk li qed isibuha diffiċli jikru mill-privat u t-treġġigħ lura l-kirjiet tal-akkomodazzjoni soċjali.
Dawn l-aħħar tnejn juru li qalb il-Partit Nazzjonalista hi mal-batut, ma’ dawk fix-xifer tas-soċjetà. Ma nieħdu ebda konfort ningħataw raġun, anzi ninkwetaw ħafna, meta naqraw ftit jiem ilu li dawk f’riskju ta’ faqar żdiedu b’eluf minn wara l-elezzjoni ġenerali. Dawn numri, dawn ċifri li ħadd ma jista’ jmerihom u warajhom hemm nies tad-demm u l-laħam.
Hawn wisq qed ibatu għax il-Gvern ma jimpurtahx miż-żgħir, mill-batut, minn dak li mhux sinjur u allura ma jistax ifendi għal rasu. Kemm hawn familji li jikru mill-privat imma b’kirjiet ta’ €400 jew €500 fix-xahar ma jistgħux ilaħħqu għax għandhom paga minima. Dawn familji ta’ nies ġenwini li anke ċertu ikel ma jifilħux jixtru lill-uliedhom jew jieklu ċertu ikel kull tant ġranet biss għax il-paga ma sserviex għax trid tmur għall-kera tal-post.

Qalb soċjali
Kemm koppji għarajjes qalulna li l-paga tagħhom kważi kollha qed jagħtuha għall-kera tal-post li fih jixtiequ jibdew ħajjithom u allura qed jaqtgħu qalbhom.
L-iktar proposta li għalija turi l-qalb soċjali ta’ Simon Busuttil, hi dik li wiegħed li jreġġa’ lura l-kirjiet ta’ dawk fl-akkomodazzjoni soċjali li dan il-Gvern għolla tliet snin ilu. Għadni ma nistax nifhem x’qalb kellu min iddeċieda tliet snin ilu li jgħolli bil-moħbi u bil-goff il-kera ta’ min jikri mill-Awtorità tad-Djar.
Dawn nies li ħafna minnhom jgħixu bl-għajnuna soċjali. Dawn familji li għalihom €200 f’sena għal kera tad-dar żgħira immens tagħhom hu kalvarju. Naf familja li minn €26 fis-sena l-kera tagħha f’Ħal Tarxien saret €196 fis-sena grazzi għal dan il-Gvern li qabad u għollhielha fl-2013.
Dik hi l-priorità għalina tal-Partit Nazzjonalista. Li naħsbu f’min hu batut u jgħix fil-faqar. Għal ħaddieħor, il-prijorità kienet, u hi, il-kontijiet sigrieti fil-Panama biex fihom jitfa’ l-miljuni ta’ ewro frott il-korruzzjoni.