Il-paradoss tal-Indipendenza: id-dipendenza; hija esperjenza li llum, sfortunatament, dan il-pajjiż qiegħed jgħixha kuljum taħt Gvern li qed ireġġa’ l-arloġġ ta’ pajjiżna bi 52 sena lura b’konsegwenza li Joseph Muscat u l-klikka ta’ Kastilja qed joħonqu l-vera Indipendenza li pajjiżna kiseb u saħħaħ tul diversi amministrazzjonijiet Nazzjonalisti konsekuttivi.
Pajjiżna llum, fl-isfond ta’ dak kollu li għaddejjin minnu – il-każijiet serji ta’ allegat abbuż fil-każ tal-Panama, ta’ Gaffarena, tal-Cafe Premier u l-ħruġ tal-visas mediċi – jinsab litteralment maqbud f’vizzju ta’ dipendenza governattiva fejn saħansitra qed jitnaqqa d-dritt li kull ċittadin jieħu dak li ħaqqu għax huwa Malti. Minflok, f’pajjiżna qed tirrennja d-dipendenza ministerjali tal-pjaċiri li xxaqleb lejn nepotiżmu korrott, li konna ħsibna li qridna grazzi għall-Gvernijiet Nazzjonalisti.
Għaldaqstant, id-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil nhar it-Tlieta li għadda, kien qiegħed jiġbor fih il-viżjoni politika ta’ Prim Ministru li jemmen verament fil-kuntrarju tal-esperjenza politika attwali, u allura wassal messaġġ qawwi favur indipendenza ġdida, ħolma u tama ġdida għal pajjiż li tebba’ r-reputazzjoni tiegħu quddiem dinja li hi mistagħġba bil-governanza ta’ Joseph Muscat, li għalih, l-ewwel u l-aktar importanti huma dawk li magħhom qed jisker fuq il-mejda tal-poter u l-flus, il-mejda korrotta ta’ Kastilja li fuqha jpoġġu hu nnifsu, Konrad Mizzi u Keith Schembri li lkoll jgħixu f’realtà fejn xirja għal ġimgħa tiswa €25, f’realtà ta’ pajjiż bla boxxla morali u soċjali!
Il-messaġġ ta’ Simon Busuttil intlaqat sewwa għaliex huwa dak li r-realtà soċjopolitika Maltija għandha bżonn fil-mument, messaġġ li huwa bla dubju riflessjoni ta’ poplu li qiegħed iħossu ttradut, ingannat u ddispjaċut li eleġa Gvern egoist u korrott. Għalhekk, quddiem l-eluf li attendew għall-mass meeting, – forsi mhux daqskemm hija d-drawwa għall-Partit Nazzjonalista imma din hija karatteristika ta’ poplu li jibża’ mill-vendikazzjonijiet jekk jidher fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni – Simon Busuttil wiegħed dak li ġustament jixraq lil dan il-poplu: il-vera Indipendenza li għandha terġa’ ssaħħaħ diversi setturi, li fil-maġġoranza nbnew minn Gvernijiet Nazzjonalisti tul is-snin preċedenti, suċċess li jikkontradixxi mal-kisbiet nulli fil-konfront ekonomiku li welled dal-Gvern immirat għall-politika soċjali imma li huwa inklinat għall-but tal-qalba: tal-korrotti f’Kastilja.
Partit għan-Nies:
Irrispettivament l-għajta soċjali tal-Gvern Laburista, il-Partit Nazzjonalista jikkundanna t-taxxa fuq il-fqir u l-batut. Għalhekk, Simon Busuttil, jitkellem fuq l-esperjenza vera tal-poplu – għax il-politika ssir minn qalb in-nies u mhux mill-uffiċċju tal-poter – wiegħed li l-Partit Nazzjonalista jkompli jkun, bħalma dejjem kien, il-vera partit tan-nies. Ma għandix dubju, li fost l-aktar wegħdiet li elenka Simon Busuttil f’dan id-diskors indimentikabbli – forsi mhux l-aħjar diskors li qatt ta Simon Busuttil imma ċertament diskors validu tassew fil-kontenut – huma dawk li jittrattaw l-inġustizzji fl-oqsma tal-anzjanità, il-pensjonijiet u s-saħħa.
Jekk pajjiżna qatt emmen li Joseph Muscat kien se jeradika l-faqar, mhux talli ma żammx kelmtu, imma talli intaxxa l-faqar billi żied il-kera fuq il-housing u magħha żdiedet bil-mijiet il-lista ta’ dawk li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali. Partit Nazzjonalista fil-Gvern, jirrevokaha. Mhux hekk biss, imma jrid jasal għall-konklużjoni darba għal dejjem fir-rigward tal-pensjonijiet li ma għandhomx ikunu ntaxxati, biex verament l-anzjani tagħna jirnexxu lkoll.
Aktar minn hekk, f’mument fejn is-settur tas-saħħa ntrikeb minn idejn Kastilja – li donnha saret estensjoni tal-Ministeru tas-Saħħa – Partit Nazzjonalista fil-Gvern jagħti l-mediċina b’xejn lil kull min jeħtieġha, din hija verament il-politika tas-saħħa b’xejn u għal kulħadd. Ma jistax ikun li f’pajjiżna jibqa’ jkollna każijiet fejn nies li mhumiex ilaħħqu mal-ħajja, jispiċċaw jabbandunaw saħħithom għad-detriment finanzjarju għax ma jistgħux jagħmlu mod ieħor: destinazzjoni fatali approvata mill-Gvern! Simon Busuttil wiegħed appuntu l-kuntrarju.
Ambjent Ewropew:
Il-Partit Nazzjonalista jrid jagħti lura lill-poplu, irid jinvesti fil-poplu tant li Simon Busuttil ikkritika bl-aħrax – bħalma għamel għal dawn l-aħħar 18-il xahar – it-€13,000 li ħadet il-mara tal-Ministru Mizzi għax appuntu hija minn tal-qalba, flus li kellhom imorru għall-ġid ta’ pajjiżna, għas-setturi vitali bħal pereżempju tas-saħħa. Għalhekk, Simon Busuttil afferma l-wegħda li jagħmel minn Malta pajjiż li verament ikollu standards Ewropej, fejn l-ambjent, id-diżabilità u l-isport jingħataw il-vera importanza li jistħoqqilhom.
Din hija l-verament indipendenza: l-aċċessibbilità b’alternattivi varji ta’ trasport u mezzi diversi sabiex pajjiżna ma jibqax jogħdos ‘l isfel fi problema ta’ dħaħen u bini esaġerat li qiegħed jeqred il-pulmuni tal-Maltin stess, tal-lum u wisq aktar ta’ għada. Għalhekk, li Kap ta’ Partit, potenzjalment Prim Ministru, jitkellem dwar, u jwiegħed b’integrità, b’responsabbiltà u onesta viżjoni ambjentali hija nifs ġdid għal pajjiż li matul dawn l-aħħar tliet snin tgħaffeġ taħt l-arroganza tat-torrijiet u l-bini bl-addoċċ – metafora ħajja għall-parabbola ta’ Babel fil-Bibbja.
Pajjiżna jeħtieġlu jkun aċċessibbli għal persuni b’diżabilità! Dan huwa fatt li għadu jweġġa’ lil min hu nieqes minn indipendenza fil-mobbiltà u lill-familjari tagħhom. Propju l-ġimgħa li għaddiet iltqajt ma’ familja li fi ħdanha hemm żagħżugħ b’diżabilità, u komplejt nifhem il-weġgħa fix-xewqa ta’ ‘rrid u ma nistax’ minħabba li pajjiżna baqa’ lura fl-avvanzi fis-settur, avvanzi li fi kliemhom huma ‘sotto-zero’. Min qed jagħti każ il-bankini lokali? Min qed jagħti każ li jkollna biżżejjed bini adegwat għall-persuni b’diżabilità? Min qed jassigura li kulħadd, u verament kulħadd jista’ jirnexxi u jkollu impjieg?
Għalhekk, ħassejtni onorat bi kliem Simon Busuttil, għax finalment nista’ nemmen li fil-Partit Nazzjonalista jaf jasal il-mument li nieqfu, naħsbu, nifhmu lil kulħadd u nirreaġixxu jekk verament qatt irridu nimxu ‘l quddiem bħala poplu li jgħix f’ambjent Ewropew, fejn tixxejjen il-korruzzjoni u titjieb il-kwalità edukattiva.
Simon Busuttil mhuwiex iħares lejn Kastilja, imma qiegħed iħares ‘il quddiem, biex pajjiżna jkollu s-serħan tal-moħħ, biex il-Maltin ikollhom l-unur jgħidu li huma Maltin, biex titwettaq viżjoni ta’ Indipendenza vera: il-viżjoni ta’ Malta u l-Maltin li fiha NIRNEXXU LKOLL FLIMKIEN!
//= $special ?>