BLOGS

Mandat u mhux mandat!

Il-manipulazzjoni tal-Gvern
L-argument li l-Gvern ta’ Joseph Muscat jaf jimmanipula jew tal-anqas jipprova jimmanipula lill-poplu, illum hi garanzija ewlenija mit-tmexxija tal-Gvern ‘Tagħna Lkoll’.
Il-manipulazzjoni tieħu diversi forom, ibda minn kif ivvota favur il-korruzzjoni Leo Brincat għax il-Prim Ministru ma ħalliehx jivvota xorta oħra, kompli mill-mod ta’ kif illum għandna żewġ stazzjonijiet televiżivi tal-Partit Laburista; il-ONE u TVM u spiċċa mill-mod ta’ kif Joseph Muscat ibiddel wegħda u jigdeb sfaċċattament quddiem il-poplu, u minkejja li jinqabad, iġiegħlu jemmnu billi jkompli jigdeb; azzjoni li tixhed l-ipokresija. Dawn jekk mhumiex fatti konkreti, ilkoll ixaqilbu lejn fatti li nistgħu niddokumentawhom mingħajr wisq sforz. Il-poplu jaf.
Minn qabel l-elezzjoni lil hawn, il-Partit Laburista mmanipula wkoll dak li wiegħed fil-manifest elettorali, tant li issa, tliet snin u nofs b’mandat f’idejh, il-Gvern mhux talli għadu lura milli jwettaq imqar 75% tad-dokument ‘Malta Tagħna Lkoll’ imma talli qed jgħawweġ kull tifsira, iġebbidha, igiddibha u fuq kollox jimmanipulaha għall-konvenjenza sforz l-inkompetenza, li xi drabi tidher taħt il-forma tal-fenek li għaġġel u drabi oħra tidher taħt il-kappa tal-evoluzzjoni ta’ ħsieb!

Il-mandat elettorali
Quddiem l-insistenza tal-Partit Nazzjonalista bħala Oppożizzjoni li tassigura drittijiet għal kulħadd irrispettivament, u quddiem il-mozzjoni u l-emenda kostituzzjonali mressqa nhar it-Tnejn li għadda mill-Whip David Agius f’isem il-Partit Nazzjonalista u d-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia, li permezz tagħhom iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jkunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali, il-Gvern ta’ Joseph Muscat jafferma li mhux f’pożizzjoni li jieħu deċiżjoni għax ma għandux mandat elettorali.

Ipokresija! Daħk fil-wiċċ.
Għalhekk, kull żagħżugħ hemm barra għandu jħossu ttradut mill-Prim Ministru li qiegħed biss jagħmel riferenza għall-manifest elettorali kif u meta jaqbillu: manipulazzjoni tal-kliem u l-għemil. Gidba, tipikament tat-‘Tagħna Lkoll’, għaliex jekk nimxu mal-prinċipju tal-manifest, kieku l-Gvern litteralment ma għamilx ħerba minn Malta fi tliet snin u nofs! Dawn huma xi eżempji u allaħares insemmihom kollha:
● Involviment tal-ġenituri fl-edukazzjoni – illum l-edukaturi huma mħassba tassew bil-mod ta’ kif il-ġenituri donnhom għandhom awtorità ta’ ċerta supremazija fuq l-istrutturi kollha edukattivi, irrispettivament għall-manifest.
● Soċjetà ġusta – il-kelma ġustizzja ma hix fil-vokabolarju tal-Gvern attwali, tant li pajjiżna jinsab imnaqqar minn kull element ta’ soċjetà ġusta. Kieku mhux hekk, ma kienx se jkollna l-istatistika tal-Gvern stess li tikkonferma żidiet minn 15.7% għal 16.3% fil-familji li jinsabu fir-riskju tal-faqar waqt li ta’ Kastilja qed jiftħu l-kontijiet tagħhom il-Panama u jwarrbu l-miljuni mis-senseriji!
● Pensjonijiet fis-sod – pajjiżna ma għandu xejn sod ħlief għall-ekonomija li ħalla warajh Gvern Nazzjonalista, strutturi finanzjarji li nħolqu u ssaħħew taħt Gvern Nazzjonalista u l-korruzzjoni li qed tifni lil Malta, fejn tal-qalba jgawdu u l-anzjani jbatu mal-ogħli tal-ħajja għax xirja ta’ ġimgħa tiswa biss €25 skont Konrad Mizzi.
● Arja aktar nadifa – hawn ħadu żball. Fejn hi l-arja aktar nadifa? Fil-madwar tat-torrijiet li se jitilgħu joħonqu Malta bil-barka tal-Gvern li qasam il-MEPA bil-ħsieb li jittollera dan kollu? Iż-Żonqor fejn se jibnu l-ikbar park għall-familja f’Malta jekk mhux fl-Ewropa?
● Trasport Pubbliku aktar effiċjenti – żball ieħor: sussidju aktar effiċjenti għall-kumpanijia Spanjola li donnha ntesiet. Sussidju li jammonta fi kważi €30 miljun aktar minn dak mogħti lill-Arriva.
● Xandir Nazzjonali serju – il-manifest iwiegħed anqas indħil politiku biex jaqdi funzjoni ta’ xandir pubbliku, imma llum għandna lil TVM maħkum mill-Gvern innifsu, bħall-maġġoranza tal-istituzzjonijiet lokali, b’Reno Bugeja jgħaffeġ u jirranġa l-aħbarijiet biex mingħalih il-poplu ma jindunax.
● Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni – no comment! X’tista’ tikkummenta? Li hemm il-kbar ta’ Kastilja kollha direttament involuti f’allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni?!
● Tnaqqis fl-ispiża tal-politiċi – eżatt skont il-manifest, Malta għandha l-akbar kabinett fl-istorja, imma mhux biss, l-aktar kabinett li qed jerda’ minn fuq dahar il-poplu, fejn ikollok Chairman part-time b’xufier full-time, pereżempju, jew inkella jkollok Membru Parlamentari appuntat f’aktar minn żewġ karigi f’daqqa u oħrajn li huma midħla tal-politiċi jmorru għal xogħolhom l-Erbgħa biss!
● Membri Parlamentari aktar kontabbli – dik kontabbiltà! Il-mistoqsijiet parlamentari mhux imwieġba saru mijiet, il-kuntratti mistura dejjem jiżdiedu u n-negozjati bejn pereżempju, l-Air Malta u l-Ailitalia (il-kumpanija li qed titlef €500,000 kuljum) jibqgħu taħt il-mejda u x’jimpurathom mill-familji inkwetati bil-qagħda imwiergħa tal-Air Malta u l-inċertezza li hemm fir-rigward.
● Malta fl-Unjoni Ewropea – Malta li tiġi rredikolata fuq il-bejgħ taċ-Ċittadinanza, fuq Toni Abela, Leo Brincat u Konrad Mizzi li baqa’ jirrifjuta jirreżenja quddiem l-iskandlu tal-Panama.
● Power Station ġdida – fi żmien stipulat li jibqa’ jiġġebbed, inkella jkollna r-riżenja tal-Prim Ministru. Għaddew tliet snin u nofs, u d-dawl u l-ilma raħas grazzi għall-interconnector tal-Partit Nazzjonalista.

Argument bla argument
Allura la dawn kollha – li huma biss ftit li ħassejt li għandi nagħtihom id-dawl, dawn l-istess punti fil-manifest elettorali li abbażi tagħhom il-poplu ta mandat lill-Gvern ta’ Joseph Muscat – ma ġewx onorati mill-Prim Ministru, qatt jista’ jiċħad il-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena għax ma għandux mandat elettorali?
Litteralment argument bla argument.
Għax dan hu Gvern egoist, giddieb u korrott!