Lokali

Filmat: Muscat ma jgħidx meta se titlesta l-audit fuq il-Ministru Konrad Mizzi

L-audit li qed issir fuq il-Ministru Konrad Mizzi, wara li dan inqabad li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama, għadha mhix lesta, u l-Prim Ministru Joseph Muscat ma kienx kapaċi jgħid meta se titlesta.

L-audit kienet tħabbret biss lejn l-aħħar ta’ Frar, jiem wara li faqqa’ l-iskandlu Panama Papers li kixef ukoll l-involviment taċ-Chief of Staff Keith Schembri.

Fl-aħħar sigħat sar magħruf ukoll li Konrad Mizzi se jkun wieħed minn tal-bidu li jissejħu quddiem Kumitat li twaqqaf apposta fi ħdan il-Parlament Ewropew, speċifikament biex jinterroga lill-politiċi Ewropej involuti fl-iskandlu.

Madankollu jeżistu dubji kbar dwar jekk Konrad Mizzi hux se jitla’ għal din l-interrogazzjoni, jew inkella jibgħat biss rappreżentant legali tiegħu. Il-Prim Ministru Joseph Muscat stess naqas milli jagħti risposta ċara.

Minkejja d-dubji serji dwar, u minkejja li għadu qed jiġi nvestigat, Konrad Mizzi xorta waħda jżomm postu bħala Ministru, b’uffiċċju minn Kastilja.