BLOGS

Bejn il-fatti u t-tgħawwiġ tal-fatti!

“Journalism is the work and distribution of reports on the interaction of events, facts, ideas, and people that are the “news of the day” and that informs society to at least some degree. The word applies to the occupation (professional or not), the methods of gathering information, and the organizing literary styles. Journalistic media include: print, television, radio, Internet, and, in the past, newsreels”. Hekk jitla’ meta wieħed ifittex il-kelma ġurnaliżmu fuq is-sit internazzjonalment popolari Wikipedia.
Deskrizzjoni konċiża li turi iżda bl-aktar mod ċar li hemm differenza ċara ħafna bejn ġurnaliżmu u opinjoni politika. Filwaqt li t-tnejn huma intiżi li jwasslu messaġġ lil qarrej jew telespettatur, fil-każ tal-ġurnaliżmu l-għan huwa li titwassal l-informazzjoni filwaqt li fil-każ ta’ opinjonist l-għan huwa li jwassal il-fehma tiegħu.

L-argument fir-rapporti
Huwa normali li fil-kitba tiegħu ġurnalist xi ftit jew wisq jirrifletti l-perspettiva tiegħu dwar argument. Dan jiġri anke fl-aktar demokraziji b’saħħithom fejn ġurnalist, speċjalment wieħed magħruf, ikun magħruf li spiss għandu punto di vista partikolari.
Sfortunatament, iżda, f’pajjiżna għandna ċirkostanzi fejn mhux sempliċiment każ ta’ punto di vista qiegħed ikollna iżda saħansitra differenza totali li bilkemm tagħraf li wieħed ikun qiegħed jitkellem fuq l-istess ħaġa.

Imeru s-sewwa magħruf
Jiġi f’moħħi artiklu li deher il-ġimgħa li għaddiet fuq il-portal tal-media Laburista One, li kien qiegħed ‘jirrapporta’ l-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista l-ġimgħa li għaddiet. Rapport li bla dubju ta’ xejn wieħed jistenna, leġittimament, li ser ikun qiegħed jiġbed xi ftit jew wisq il-linja tal-Partit Laburista. Iżda mod tiġbed il-linja politika tal-Partit Laburista u mod ieħor tmeri s-sewwa magħruf.
Fir-rappurtaġġ intqal li “Id-diskors ta’ Busuttil kien nieqes għalkollox minn proposti konkreti”, b’referenza għad-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
Li r-rapport tal-One kien ser jieħu ton negattiv fil-konfront ta’ jgħid x’jgħid Simon Busuttil, ma kinitx ser tkun sorpriża għal ħadd. Iżda li tgħid li kien diskors nieqes mill-proposti turi jew li l-Partit Laburista jrid imeri s-sewwa magħruf inkella li l-Partit Laburista tant huwa maqtugħ mir-realtà tal-poplu li tilef kull sens ta’ sensittività ta’ x’jeħtieġ pajjiżna.

Ebda proposta konkreta diskors li fih Simon Busuttil spjega li l-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena għandu jidħol fis-seħħ minn issa għall-elezzjoni ġenerali li jmiss?
Ebda proposta konkreta diskors li fih intqal li gvern Nazzjonalista jneħħi t-taxxa fuq il-faqar li daħħal dan il-Gvern u għalhekk il-kera tal-housing terġa’ lura għal li kienet?
Ebda proposta konkreta diskors li fih intqal mingħajr tlaqliq li l-pensjonijiet tal-anzjani jiżdiedu b’mod sostenibbli, waqt li l-pensjonanti ma jħallsux taxxa fuq il-pensjoni?
Ebda proposta konkreta diskors li fih Simon Busuttil intrabat li Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jibda jinvesti bil-kbir f’faċilitajiet u fi programmi sportivi biex nevitaw problemi ta’ saħħa?
Ebda proposta konkreta diskors li fih jingħad b’mod ċar li gvern Nazzjonalista jinvesti f’sistema alternattiva ta’ trasport pubbliku bħalma hi s-sistematat-tram li teżisti f’ħafna bliet: sistema moderna u li tgħaqqad il-pajjiż kollu?

Diskors kuraġġuż
Id-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien wieħed kuraġġuż u ta’ viżjoni. Diskors li juri bl-aktar mod ċar li l-Partit Nazzjonalista jinsab lest sabiex jerfa’ r-responsabbilità li jmexxi l-gvern.
Diskors li l-Partit Nazzjonalista anke mill-Oppożizzjoni beda jattwa permezz ta’ l-emenda mressqa mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius u d-Deputat Marlene Farrugia sabiex fl-elezzjoni ġenerali li jmiss jivvotaw iż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena.