Indubjament, tliet snin u nofs ilu l-Partit Nazzjonalista ffaċċja l-iktar mument diffiċli fl-istorja tiegħu. Wara kważi 25 sena fil-Gvern, għajr 22 xhar ta’ Gvern Laburista, il-Partit Nazzjonalista sofra l-ikbar telfa elettorali li qatt rajna f’pajjiżna. Telfa li fissret diżappunti li però kien importanti li tissarraf f’tagħlimiet.
Il-poplu, tliet snin u nofs ilu, mar jivvota għal dak li deherlu li hu l-aħjar għażla għat-tmexxija ta’ pajjiżna. Ivvota lill-Partit Laburista, partikolarment lil Joseph Muscat, għaliex kien qiegħed iwiegħed bidla, laqat lill-poplu bid-diskors sabiħ tiegħu, uża kliem fieraħ biex jimla moħħ in-nies li huwa l-aħjar għażla, qal dak li l-poplu ried jisma’ biex jirbaħ is-sentiment, u l-vot, u xejn iktar.
Huwa fatt ukoll li ħafna nies ivvutaw lill-Partit Laburista għaliex riedu bidla wara 25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista. Però dak iż-żmien, kien hemm min qal li “change for the sake of changing is not the best strategy”. Illum, min qal hekk qed jingħata raġun.
Tajjeb li wieħed iżid dan l-element mal-fatt li l-poplu bela’ dak li kien qed jgħidlu Joseph Muscat. Qed ngħid bela’, għaliex illum nafu li f’ħafna mid-diskorsi tiegħu, ħafna mill-kliem fieraħ li kien jgħid Joseph Muscat, ma kien xejn ħlief gideb. Meritokrazija, kontabbiltà, trasparenza – kollha rajnihom fuq billboards madwar Malta, imma baqgħu fuq il-billboards biss għaliex qatt ma kienu riflessi fil-ħidma ta’ dan il-Gvern.
Wara l-festi tal-Indipendenza
Fl-aħħar artiklu tiegħi, dak tal-ġimgħa li għaddiet, għedt li rridu nagħtu l-Indipendenza lill-poplu minn din il-klikka ta’ Joseph Muscat li ħakmet lil pajjiżna, il-klikka li qed tgawdi hi biss u l-bżonnijiet tal-pajjiż u tal-poplu qed ikunu injorati. Il-festi tal-Indipendenza issa għaddew, u kif qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, il-Partit xegħel il-magni elettorali tiegħu.
Xegħel il-magni elettorali biex f’din is-sena u nofs li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista jkompli fuq it-triq li qabad sabiex meta l-elettorat jingħajjat biex jivvota, quddiemu jkollu għażla li tixraqlu. Għażla bejn il-Gvern preżenti li qarraq bil-poplu u ħammar wiċċ pajjiżna, u l-Partit Nazzjonalista li tul din il-leġiżlatura kien verament it-tarka tal-poplu u lest li jiggverna b’onestà – Partit li bħalma ġab l-Indipendenza lil pajjiżna, lest iġib l-Indipendenza lill-poplu Malti biex ma jibqax maħkum minn grupp żgħir ta’ nies li qed igawdu bla rażan filwaqt li pajjiżna jibqa’ fejn hu.
L-onestà
L-aqwa arma li jista’ jkollu l-bniedem hija l-onestà. Il-Malti jgħid li l-verità m’hawnx isbaħ minnha. Il-verità llum hi li l-poplu qed jitlef il-fiduċja fil-politika, bħala kunċett. Jitlef il-fiduċja fil-politika meta jara politiċi bħal Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Michael Falzon u oħrajn, li flimkien man-nies ta’ madwarhom qed jisfruttaw il-poter li ngħata lilhom għal gwadan tagħhom u ta’ sħabhom.
Li l-poplu jitlef il-fiduċja fil-politika, mhux neċessarjament ifisser li tilef il-fiduċja fil-politiċi. Anzi, il-poplu jieħu r-ruħ meta jara politiċi onesti li lesti jissagrifikaw lilhom infushom biex jaraw li f’pajjiżna jerġa’ jkun hawn l-ugwaljanza, li l-ġid komuni jkun verament komuni u mhux għal ftit nies ta’ madwar il-Prim Ministru.
Il-poplu Malti jieħu pjaċir jara li l-Partit Nazzjonalista, u l-Kap Simon Busuttil, jisħqu li jridu jmexxu pajjiżna b’politika onesta għaliex huwa proprju dak li jrid il-poplu. Huwa dak li jixraqlu l-poplu Malti – li jitmexxa minn nies onesti li lesti jiġġieldu għad-drittijiet taċ-ċittadin u dan il-Partit Nazzjonalista qed jurih anke issa mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista, f’dawn it-tliet snin u nofs, serva ta’ tarka għall-poplu ta’ rieda tajba – issa sena u nofs oħra, lest li jmexxi b’onestà lill-poplu Malti u Għawdxi kif jixraq lilna u lill-pajjiżna.