Il-Prim Ministru Joseph Muscat kompla jikkonferma kemm hu ħaġa waħda ma’ Keith Schembri, meta quddiem każ ċar ta’ kunflitt ta’ interess miċ-Chief of Staff tiegħu, spiċċa jiddefendih.
Qal dan il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami f’konferenza tal-aħbarijiet b’reazzjoni għall-mod kif qed jaġixxi Muscat fil-kwistjoni tal-kunflitt ta’ interess li għandu ċ-Chief of Staff tiegħu fix-xiri ta’ apparat u l-manutenzjoni mill-kumpanija Crane Currency.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu Malti u Għawdxi għandu kull raġun li jissuspetta f’kull ħaġa li fiha jkun involut Keith Schembri. Dan peress li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, fost l-oħrajn, inqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama biex fiha – fi kliemu stess – jitfa’ l-miljuni tal-ewro ġejjin mill-commissions.
“F’dan il-każ, qed jiġi spjegat u allegat li Keith Schembri – bl-interessi kummerċjali tiegħu bil-kumpanija Kasco Ltd – jista’ jkun li jdaħħal il-flus minn commissions li jkunu ġejjin mix-xiri u manutenzjoni mill-kumpanija Crane Currency,” qal Beppe Fenech Adami.
Keith Schembri, iċ-Chief of Staff ta’ Muscat, għandu sehem f’kumpanija li f’Malta tirrappreżenta lil Crane Currency. Keith Schembri qed jgħid li din il-kumpanija mhux se tixtri makkinarju għall-Crane Currency. Imma skont Beppe Fenech Adami, dan hu logħob bil-kliem, għax il-mistoqsija hi jekk hux se jkun qed jieħu commissions peress li l-kumpanija li fiha hu ‘shareholder’ tirrappreżenta lil Crane Currency f’Malta, anke jekk ix-xiri jsir minn kumpaniji oħra.
Beppe Fenech Adami qal li dwar dan il-każ ċar ta’ kunflitt ta’ interess iqumu numru ta’ mistoqsijiet, fosthom meta bdew it-taħdidiet bejn l-Uffiċju tal-Prim Ministru u Crane Currency, xi rwol kellu Keith Schembri f’dawn it-taħdidiet u meta kein involut Keith Schembri f’dawn it-taħdidiet.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister Jason Azzopardi, li min-naħa tiegħu nnota li kull min hu serju jaf li f’dan il-każ jeżisti kunflitt ta’ interess – minkejja li Muscat qed jgħid li m’għandux idea dwar jekk jeżistix kunflitt ta’ interess.
“Għandna sitwazzjoni fejn persuna – fir-rwol tiegħu ta’ Chief of Staff tal-Prim Ministru – qed jagħmel negozjati ma’ kumpanija privata, liema negozjati se jwasslu biex l-istess persuna – fir-rwol tiegħu ta’ shareholder ta’ kumpanija privata – idaħħal il-commissions,” qal Jason Azzopardi.
Jason Azzopardi nnota li fl-istess żmien li d-De La Rue kienet qed tgħid li se tkeċċi lill-ħaddiema, il-Gvern beda taħdidiet ma’ Crane Currency. Żied li storja li kellha tkun pożittiva, spiċċat imtappna b’dan il-kunflitt ta’ interess.
//= $special ?>