Benjamin Disraeli, Prim Ministru Konservattiv Ingliż għal darbtejn stqarr li kien hemm tliet tipi ta’ gideb ‘gideb, gideb oħxon u statistika’ (lies, damned lies and statistics). Ingħid il-verità ma naqbilx li l-istatistika tiġi mqiegħda fuq l-istess livell tal-gideb. Jekk din tinġabar tajjeb u b’mod xjentifiku, jekk ma jkunx hemm indħil minn awtoritajiet li ma jaqblux maċ-ċifri li joħorġu, allura l-istatistika hi mezz biex jinġabru ċifri li fuqhom tinbena politika, ekonomija u tant oqsma oħra ta’ soċjetà moderna. Ebda pajjiż modern, ebda organizzazzjoni ma tista’ taħdem jekk ma jkollix iċ-ċifri f’idejha. Għaliex mingħajrhom kif tista’ tippjana!
X’inhi l-istatistika? Id-definizzjoni li tingħata minn diversi dizzjunarji hi li l-istatistika hi l-matematika tal-ġbir, organizzazzjoni u interpretazzjoni ta’ data numerika, speċjalment l-analiżi ta’ karatteristiċi ta’ popolazzjoni meta jittieħed kampjun tal-istess popolazzjoni. L-istatistika hi ukoll fergħa tax-xjenza politika li tittratta l-ġbir ta’ data relevanti għal stat, organizzazzjoni, partit politiku, eċċ.
Kull pajjiż modern illum ma jkunx komplut jekk ma jkollux uffiċċju ċentrali li jiġbor l-istatistika. Dan irid isir għaliex mingħajr ġbir ta’ statistika ma tistax tippjana la għal-lum, la għal għada u anqas għal tul ta’ żmien. Organizzazzjonijiet importanti, bħall-Unjoni Ewropea għandhom l-uffiċċju tagħhom tal-istatistika. Fil-każ tal-Unjoni Ewropea dan hu l-eurostat li jiġbor statistika mill-pajjiżi membri kollha u jikkonfrontaha mhux biss pajjiż ma’ pajjiż iżda anke blokk ekonomiku ma’ blokk ekonomiku ieħor.
Hemm min juża l-istatistika bħala appoġġ għal xi argument li jkun irid jagħmel. Bħala appoġġ għal dak li jkun qed jgħid u mhux biex jiġi illuminat!
Hu importanti kif tinterpreta l-istatistika. Mhux biex toħroġ dak li jogħġob lilek iżda biex toħroġ il-verità. Anke jekk mhux dejjem jiġri hekk. S’intendi jekk l-istatistika ma tinġabarx tajjeb allura l-konklużjonijiet jistgħu jwasslu biex jittieħdu deċiżjonijiet li ma jkunu xejn jaqblu ma’ dak li jkun qiegħed realment iseħħ.
Ċifri mhux reali
Dan ifakkarni fil-każ tal-Greċja. Jgħidu li dan il-pajjiż daħal fiz-zona Ewro abażi ta’ ċifri li ma kinux reali. Ċifri fażulli, jekk mhux ukoll foloz. F’The Economist tat-3 ta’ Settembru hemm artiklu dwar l-Istatistiku Ewlieni Grieg li qed jippruvaw jitfgħu fuqu l-ħtija tal-kollass ekonomiku ta’ pajjiżhom.
Andreas Georgiou kien l-Istatistiku Ewlieni tal-Greċja fl-2009. Diġà kien ħadem mal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) għal 21 sena. Beda jaħdem mal-ELSTAT, l-aġenzija tal-istatistika Griega wara l-bail-out. Il-ħtija li qed jippruvaw jgħabbuh biha hi li stima li l-iżbilanċ tal-Gvern Grieg f’dik is-sena kien se jkun 15.4 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross meta l-ewwel stima ta’ 13.6 fil-mija kienet biss ftit inqas. Min-naħa l-oħra l-Kummissjoni Ewropea kkonfermat ripetutament li ċ-ċifri li kien qed jagħti Georgiou kienu t-tajbin.
Georgiou kien akkużat li nefaħ iċ-ċifri. Ittella’ l-Qorti akkużat li l-allegata falsifikazzjoni taċ-ċifri wasslet għall-paniku li spiċċa bil-bail-out tal-Greċja fl-2010. Issa qed jgħidu wkoll li kkaġuna lil Greċja €171 biljun ta’ danni.
Il-Qrati ċaħdu dawn l-akkużi tliet darbiet. Iżda fl-1 ta’ Awwissu l-Qorti Suprema Griega reġgħet fetħet il-każ. U f’Diċembru Georgiou se jiġi akkużat li rrifjuta li jħalli l-bord tal-ELSTAT li jivvota biex jiddeċiedi l-livell tal-iżbilanċ. Ara meta qatt l-istatistika kienet tiġi deċiża bil-vot!
Biex jgħattu xturhom
Dan juri safejn ċerti politiċi jaslu biex jgħattu xturhom. Tal-inqas dan ittella’ l-Qorti. Ma ġralux bħal Olimpiy Kvitkin, statistiku Russu li fl-1937 kien arrestat u sparawlu għaliex sab li fil-pajjiż kien hemm inqas nies milli kien ħabbar li kien hemm id-dittatur tal-Unjoni Sovjetika Joseph Stalin.
Iċ-ċifri mhumiex hemm biex tikkwotahom biss fejn jaqbillek. Anqas biex tinterpretahom b’mod li jogħġob biss lilek. Niftakar li qabel l-aħħar elezzjoni t-triumverat tal-Partit Laburista li kien jitkellem dwar l-ekonomija u l-finanzi, kull meta kienu joħorġu ċ-ċifri dwar id-dħul u l-ħruġ tal-gvern kienu jaqbdu kemm ikun żdied id-dħul mit-taxxi u jiddikaraw li din kienet żieda fit-taxxi fuq il-poplu Malti.
Jien dan l-argument ġieli għamiltu iżda dejjem nibda biex ngħid li ‘jekk nirraġuna’ bil-mod kif kienu jirraġunaw il-kelliema Laburisti, jiġifieri jekk nirraġuna like with like, għaliex naf li dan hu argument bażwi u meta l-ekonomija tkun qed tikber, id-dħul tal-gvern jikber ukoll.
L-istatistika hi għodda importanti biex kull amministrazzjoni tippjana l-ekonomija, il-finanzi, is-settur edukattv, is-settur tas-saħħa, kull settur. Anke meta jiġi biex jibni triq gvern irid ikollu f’idejh ċifri ta’ kemm vetturi jużaw dawk l-inħawi biex ikun jista’ jiddeċiedi x’kobor, x’lanes u x’forma tkun trid tieħu dik it-triq. Il-ġbir taċ-ċifri llum jidħol f’kollox.
Responsabbiltà tal-Gvern
Bħal kull ħag’oħra l-istatistika tista’ tiġi manipulata. Tista’ tintuża ħażin minn min ikun qed jiggverna. Min jiġborha jista’ jkun irid jingħoġob ma’ min ikun hemm fil-poter. Minix ngħid li qed jiġri hekk. Allaħares! Biss f’ħafna każi dik hi l-impressjoni li tingħata.
Biex jitneħħa kull dubbju nemmen li l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika m’għandux ikun iktar responsabbiltà tal-gvern, iżda għandu jgħaddi taħt il-kontoll tal-Parlament kif inhu l-uffiċċju tal-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali.
Wara kollox, meta gvernijiet preċedenti għażlu li jpoġġu dawn iż-żewġ istituzzjonijiet taħt il-kontroll tal-Parlament, dan il-pass ma ħaduhx għax kien qed isir tbagħbis iżda sempliċiment biex dawk li jaħdmu f’dawn iż-żewġ entitajiet ikunu f’iktar libertà u biex tikber it-trasparenza.
Nemmen li dak li kien tajjeb għall-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali, għandu jkun ukoll tajjeb għall-Uffiċċju tal-Istatistika. Miżura bħal din tbiegħed minn moħħ il-poplu kwalunkwe dubbju li xi ħadd ikun qed jagħmel pressjoni fuq min jiġbor l-istatistika.
Jien ngħid li fid-dinja tal-lum mhux faċli tbagħbas bl-istatistika u jekk xi ħadd jipprova l-possibbiltà li jinqabad hi kbira. Iżda fl-istess waqt trid tinqered kull perċezzjoni li l-affarijiet ma jkunux qed isiru tajjeb.