Rapport li deher f’The New York Times sostna li n-nies involuti ma’ din il-gazzetta għandhom f’idejhom dokumenti li juru li Donald Trump, il-kandidat li qed jikkontesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti f’isem il-Partit Repubblikan, kien iddikjara telf ta’ aktar minn $900 miljuni fuq id-dokumenti tat-taxxa federali (returns) tal-1995.
Din il-gazzetta qed tgħid li t-telfa tant kienet kbira li setgħet ‘fetħet triq legali’ biex Trump jevita li jħallas it-taxxa għal 18-il sena. Intant, il-kampanja elettorali ta’ Trump naqset milli tippubblika t-tax returns tal-biljunarju, bin-nies ta’ miegħu lanqas ma jikkonfermaw jew jiċħdu l-livell tat-telf akkumulat ta’ miljuni.
Il-kandidat tal-Partit Demokratiku Hillary Clinton – ir-rivali kbira ta’ Trump – fil-preżent qed tagħmel kapital politiku sħiħ mill-allegazzjonijiet dwar ir-rekords ta’ Donald Trump f’dak li jirrigwarda t-taxxa. Fil-fatt, hi, waqt l-ewwel dibattitu Presidenzjali, wettqet pressjoni qawwija fuq Trump fejn issuġġeriet li ‘hu qed jaħbi xi ħaġa terribbli’.
Min-naħa tagħha, Clinton ippubblikat id-dokumenti tat-taxxa tagħha li jmorru lura għal 40 sena, waqt li Mike Pence, is-sieħeb (running mate) ta’ Donald Trump fuq l-istess tikketta Repubblikana, żvela dettalji tat-tax returns tiegħu għall-aħħar għaxar snin.
//= $special ?>