Lokali

Il-familji Maltin u Għawdxin se jibqgħu jħallsu fost l-ogħla prezzijiet tal-fuels fl-Ewropa

B’referenza għall-istqarrija tal-Enemed, fi stqarrija s-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli qalet li l-Partit Nazzjonalista jinnota li minkejja r-reviżjoni fil-prezzijiet tal-fuels, l-familji Maltin u Għawdxin xorta waħda se jibqgħu jħallsu fost l-ogħla prezzijiet tal-fuels fost it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

Bħal f’kull każ ieħor fl-aħħar ġimgħat, Joseph Muscat inqabad f’paniku wara li l-Partit Nazzjonalista, din il-ġimgħa nsista biex il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel jorħsu b’mod sostanzjali u b’mod immedjat. Madanakollu, r-reazzjoni ta’ Muscat kienet waħda biss ta’ daħq fil-wiċċ għax ir-roħs ta’ 1ċ u 2ċ hu wieħed redikolu u li mhu se jħalli ebda impatt fuq bwiet il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li Muscat jieqaf jisraq lill-poplu Malti u Għawdxi, u flok jidħaq bin-nies f’wiċċhom, ipoġġi l-prijoritajiet f’posthom. Muscat, iżda, mehdi wisq biex jiddefendi l-korruzzjoni u l-kumpaniji sigrieti fil-Panama biex jindirizza l-isfidi tal-familji Maltin u Għawdxin.