Internazzjonali

Il-Papa jħeġġeġ biex il-Kattoliċi fl-Ażerbajġan jibqgħu sodi fit-twemmin

 

Il-Papa Franġisku, illum, f’Baku, iċċelebra l-quddies għall-komunità lokali tal-Kattoliċi, magħmula biss minn ftit mijiet, fejn ħeġġiġhom biex jibqgħu sodi fil-fidi tagħhom. Il-Papa, intant, radd ġieħ lil dawk kollha li kienu persegwitati fl-era tal-Unjoni Sovjetika antika li kienet tinkludi fiha lill-Ażerbajġan.

L-istatistika turi li, fil-preżent, qed jgħixu biss mas-700 Kattoliku fl-Ażerbajġan, b’ħafna minn dawn jinkludu ħaddiema mal-ambaxxati, ħaddiema domestiċi u oħrajn involuti fl-industriji taż-żejt u l-gass.

L-omelija waqt il-quddiesa f’Baku inqrat, fil-parti kbira, bl-Ingliż, fejn il-Papa qal li l-Kattoliċi residenti fl-Ażerbajġan ‘huma prezzjużi f’għajnejn Alla’. Hu għamlilhom il-kuraġġ filwaqt li faħħar lil ‘din il-komunità vibranti u magħquda’. Il-quddiesa saret fi knisja moderna mibnija fuq is-sit ta’ oħra antika li kienet twaqqgħet fl-1931 taħt il-ħakma tas-Sovjetiċi.

Il-Papa wasal f’Baku mill-Georgia fejn kien ħa sehem fi programm apostoliku intensiv u fejn iltaqa’ mal-mexxejja politiċi u reliġjużi tal-pajjiż.

Meta tkellem dwar il-Kristjani li spiċċaw ippersegwitati mill-komunisti fl-Ażerbajġan, il-Papa Franġisku rrefera għall-‘miraklu tal-fidi li baqgħet b’saħħitha’. Hu radd ġieħ lill-ħafna Kristjani kuraġġużi li baqgħu sodi u leali għat-twemmin minkejja d-diffikultajiet li ffaċċjaw u li għandhom iservu ta’ eżempju għall-ġenerazzjonijiet ġodda ta’ Kristjani.

Wara l-quddies, il-Papa ltaqa’ mal-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev, li ilu jmexxi pajjiżu mill-2003. Hu u Aliyev kellhom taħditiet privati wara bibien magħluqa fil-Palazz Presidenzjali ta’ Baku u wara, il-Papa ħa sehem f’ċerimonja quddiem il-Monument iddedikat lill-Vittmi (Ażeri) tal-Battalja għall-Indipendenza, fil-kapitali.

Il-Papa Franġisku jirritorna Ruma minn Baku, tard il-lejla.