Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li jservi lin-nies u mhux li jisserva bihom.
Hu wkoll il-partit tan-nies mhux għax biss jisma’ lin-nies, iżda għaliex qed juri kif għalih, il-politika qegħda hemm biex isservi lin-nies u biex permezz tagħha, titwettaq l-aspirazzjoni u l-viżjoni tal-ħajja tagħhom. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza attività politika bit-tema Nirnexxu Lkoll Flimkien fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fin-Nadur Għawdex.
Flok fuq il-Cafe’ Premier u Gaffarena, l-Partit Nazzjonalista jonfoq il-flus fl-anzjani Maltin u Għawdxin
Simon Busuttil irrefera għall-proposti li għamel biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani Maltin u Għawdxin. Fost dawn il-proposti hemm:
li titreġġa’ lura t-taxxa fuq il-faqar u titbaxxa għal li kienet il-kera li żied Muscat għal dawk li jgħixu fl-akkomodazzjoni soċjali;
li jiżdied is-sussidju lil dawk il-familji li jikru mill-privat;
li tgħola l-pensjoni biex l-anzjani ma jibqgħux f’sitwazzjoni li ma jlaħħqux sal-aħħar tax-xahar;
li tiġi riveduta t-taxxa li jħallsu dawn l-anzjani fuq dividens li jirċievu mill-investimenti li jkunu għamlu f’shares;
u li l-anzjani jkollhom aċċess għall-mediċini b’xejn.
Hekk kif Ottubru hu mmarkat bħala x-xahar iddedikat għall-kanċer tas-sider, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li mhux sew li dan il-Gvern isib il-flus għal kollox, bħall-Gaffarena u Cafe’ Premier, imbagħad ma jsibx il-flus biex jagħti t-terapija lil min għandu l-kanċer. “Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti l-chemotherapy kollha b’xejn” qal Simon Busuttil, “għaliex aħna nagħtu l-prijorità lilek u nservuk, mhux nisservew bik.”
Simon Busuttil qal li dawn il-proposti huma serji u li juru li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tan-nies. Flok nonfqu €100 miljun fuq Kabinett ta’ 24 Ministru, nonfqu l-flus fl-anzjani, qal Simon Busuttil.
Proposta ġdida: Titnaqqas it-taxxa tal-boll għal min jixtri proprjetà f’Għawdex
F’Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar proposta ġdida li hi mmirata għall-Għawdxin: dik li min jixtri proprjetà f’Għawdex, titnaqqaslu t-taxxa fuq il-boll. Din il-proposta qed issir wara li f’din l-istess ġimgħa, waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, Simon Busuttil ħabbar tliet proposti li ntalqgħu b’mod pożittiv:
Tnaqqis fir-rata tal-capital gains tax biex proprjetajiet jilħqu l-ogħla effiċjenza tal-enerġija jew biex jiġu restawrati proprjetajiet f’żoni bi bżonn ta’ riġenerazzjoni. Dan it-tnaqqis fit-taxxa jkun qed isir biex jingħata inċentiv biex jintlaħqu l-ogħla standards ambjentali.
Inċentiv fiskali lil dawk il-kumpaniji li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni biex jagħmlu upgrading tal-istandards ambjentali tagħhom. Dan l-inċentiv iwassal għall-ogħla standards possibbli biex l-impjanti, inġenji u vetturi fil-kostruzzjoni jkunu tal-ogħla standards ambjentali.
Investiment f’sistema alternattiva ta’ trasport bħal dik ta’ light railway jew tram biex tassew tiġi indirizzata l-problema tat-trasport f’pajjiżna. Is-sistema ġdida ta’ trasport pubbliku alternattiv tkun sistema moderna u effiċjenti u li tgħaqqad il-pajjiż kollu, inkluż lil Malta u Għawdex.
Dwar din l-aħħar proposta, Simon Busuttil qal li b’din il-viżjoni, ż-żgħażagħ u l-familji Għawdxin ma jkollhomx għalfejn jitilqu kollox u jinżlu Malta biex jaħdmu u jistudjaw, iżda jkunu jistgħu jmorru l-Università jew l-Ajurport f’ħin qasir. “Dan hu dinamiżmu ġdid fejn in-nies f’Għawdex jiżdiedu mhux jonqsu,” qal Simon Busuttil.
Hu fakkar li l-għada li l-Partit Nazzjonalista ħareġ bil-viżjoni tiegħu, Joe Mizzi qal li se jkun qed jagħmel studju dwar it-tram. “Tagħmel sew tagħmel l-istudju, iżda se jkun il-Partit Nazzjonalista li se jwettaq din il-viżjoni,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu rrefera wkoll għall-istudju li qal li se jagħmel il-Gvern dwar il-vijabilità ta’ mina bejn Malta u Għawdex wara li ħela tliet snin u nofs bi studju fuq bridge li sar minn kumpanija blacklisted Ċiniża.
Simon Busuttil irrefera għat-tradiment li qed iħossu ħaddiema tal-Gozo Channel, li filwaqt li qabel l-elezzjoni ġew imwegħda kundizzjonijiet aħjar, spiċċaw jaħdmu f’sitwazzjoni ta’ prekarjat. “Dan hu każ ċar ta’ kif Muscat, flok iservi lin-nies, jisserva bihom,” qal Simon Busuttil.
Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Partit Nazzjonalista se jipreżenta l-proposti tiegħu ta’ qabel il-budget
Simon Busuttil qal li għat-tieni sena konsekuttiva, l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco se jkun qed jippreżenta l-proposti tal-Partit Nazzjonalista ta’ qabel il-budget. “Aħna ma niddejqux noħorġu bl-ideat tagħna għaliex aħna nixtiequ l-ġid għall-poplu Malti u Għawdxi,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li nsista li biex dawn il-proposti jitwettqu, hemm bżonn il-Partit Nazzjonalista.
Gvern ġdid joffri level-playing-field fil-business mhux biex tagħmel xi ħaġa, trid tgħaddi mingħand il-Kasco
Simon Busuttil irrefera wkoll għall-kunflitt ta’ interess taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fil-każ tal-kumpanija li se tkun qed tistampa l-flus f’Malta. “Għandna Chief of Staff ta’ Muscat li fuq naħa jinnegozja biex iġib kumpanija f’Malta, u fuq in-naħa l-oħra għandu interess finanzjarju,” qal SImon Busuttil, filwaqt li sostna li Gvern immexxi minnu ma jippermettix dan il-kunflitt ta’ interess.
Hu spjega li Muscat mhux veru hu pro-business għaliex biex negozjant jagħmel xi ħaġa f’Malta, irid bilfors jgħaddi mingħand Keith Schembri. “Aħna noffru level-playing-field,” insista Simon Busuttil.
Il-monument tal-korruzzjoni daqt jasal Malta
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ftit tal-jiem oħra, se jasal Malta l-monument tal-korruzzjoni li se jkun ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Hu qal li dan it-tanker mhux biss se joħloq inkonvenjent għall-familji u n-negozji ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, iżda għall-pajjiż kollu. Hu ddeskriva dan it-tanker bħala monument tal-korruzzjoni għaliex hu proġett li d-dokumenti dwaru għadhom ma ġewx ippubblikati, għaliex min innegozjah għandu kumpaniji sigrieti fil-Panama u għaliex ma jagħmilx sens li l-Gvern intrabat li jixtri l-elettriku minn din il-Power Station għal 18-il sena sħa meta hu irħas li wieħed jixtri l-elettriku mill-interconnector.
Il-Partit Nazzjonalista kapaċi jagħmel l-affarijiet differenti
Fl-aħħar tad-diskors tiegħu, Simon Busuttil irrefera għall-istħarriġ ippubblikat fuq il-Maltatoday, li jispjega kif id-distakk bejn iż-żewġ partit hu within the margin of error. Hu qal li dan hu r-riżultat tax-xogħol li sar f’dawn l-aħħar tliet snin u nofs u li għalhekk jimla lil kulħadd b’kuraġġ li l-Partit Nazzjonalista kapaċi jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss. “In-nies qed jindunaw li jien qed ngħid il-verità,” temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
//= $special ?>