Lokali

Il-PN jisħaq li Muscat tilef il-boxxla soċjali

B’referenza għall-ħrafa fuq il-faċċata tal-gazzetta It-Torċa, l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija tenna li mhux spjuni għandu, iżda kuxjenza soċjali – xi ħaġa li Joseph Muscat u l-klikka żgħira tiegħu f’Kastilja m’għandhomx.

Il-proposti li qed jagħmel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil huma proposti li huma mmirati biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. Il-proposti ta’ Simon Busuttil huma bbażati fuq kuxjenza soċjali, politika nadifa, viżjoni ekonomika u rieda ġenwina biex f’pajjiżna, kulħadd jirnexxi, mhux il-ftit tal-qalba f’Kastilja.

Quddiem il-proposti ta’ Simon Busuttil, jinsab f’paniku, u flok jindirizza l-isfidi tal-familji Maltin u Għawdxin, infexx f’gideb, spin u stejjer ivvintati. Muscat f’dan biss jiddelitta: l-gideb, l-ispin u l-ivvintar.

Minkejja kull gideb ta’ Muscat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil se jibqa’ jispjega l-viżjoni tiegħu bi proposti konkreti li se jwasslu biex nirnexxu lkoll flimkien.