Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li l-proċess formali tal-Brexit – biex ir-Renju Unit ma jiffurmax aktar parti mill-Unjoni Ewropea – għandu jibda fl-aħħar ta’ Marzu li ġej.
L-aħbar ta’ May dwar d-dħul fis-seħħ ta’ Artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona ( biex jibda l-proċess formali għan-negozjati) tfisser li r-Renju Unit għandu jispiċċa minn Stat tal-UE sal-aħħar ta’ Marzu tal-2019.
Theresa May wiegħdet ukoll li tressaq abbozz ta’ liġi biex il-European Communities Act tal-1972 jitneħħa mill-ktieb tal-istatuti. Hi, intant, sostniet li ‘dan għandu jagħmel ir-Renju Unit pajjiż sovran u indipendenti’.
It-tneħħija tal-Att tal-1972 m’għandux isir effettiv sakemm ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, skont il-kriterji ta’ Artiklu 50. L-irtirar tal-Communities Act se tifforma parti mill-‘Abbozz Kbir’ , imwiegħed fid-Diskors tar-Reġina (Eliżabetta) li jmiss, u li, fost oħrajn, se jinkorpora l-liġijiet kollha eżistenti tal-UE fil-liġi Britannika.
Dan anki jippermetti biex il-Gvern Britanniku jipprova jemenda jew iħassar kwalunkwe leġislazzjoni ladarba l-proċess tal-Brexit ikun konkluż.
L-abbozz, fl-istess ħin, iġib fi tmiemha l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja fir-Renju Unit.
L-attivisti favur il-Brexit ilhom jinsistu biex Artiklu 50 – li jixpruna l-proċess tan-negozjati fuq sentejn – jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.
Sadanittant, Theresa May mistennija tagħmel diskors dwar il-Brexit l waqt il-konferenza tal-Partit Konservattiv fil-Gvern li qed issir bħalissa, fi Brighton.
//= $special ?>