Lokali

Qabel il-wasla tat-tanker tal-gass ‘mostru’… jerġgħu jiddiskutu l-probabbiltà li jinbnew żewġ tankijiet għall-ħażna tal-gass

il-mument illum qed tiżvela informazzjoni li fid-diskussjonijiet interni li saru dan l-aħħar li qegħdin jevalwaw il-proġett tal-power station il-ġdida f’Marsaxlokk reġa’ ssemma għall-kunsiderazzjoni l-bini ta’ żewġ tankijiet kbar biex iservu ta’ ħażna għall-gass. Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li għalkemm għadha ma tteħditx deċiżjoni finali, il-ħsieb wara l-bini tat-tankijiet kbar hu biex ikun hemm ħażna għall-gass ta’ tlett ijiem.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li f’każ ta’ maltemp li jaf jaħkem iz-zona tal-port ta’ Marsaxlokk, it-tanker tal-gass Armada LNG Mediterrana jkollu jinqala’ ‘l barra minn mal-moll li għandu kemm inbena b’konsegwenza li jkollha titwaqqaf il-provvista għall-power station.

L-informazzjoni li waslet issemmi wkoll li jekk tittieħed deċiżjoni biex jinbnew iż-żewġ tankijiet tal-ħażna għall-gass, se jkollu jittieħed ħafna żmien, jekk mhux snin, u allura f’każ ta’ maltemp, il-provvista jkollha taqleb kompletament fuq l-interconnector.

Sajjieda Xlukkajri li tkellmu ma’ din il-gazzetta huma mħassba ħafna dwar il-preżenza tat-tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk. “Nafu li meta jagħmel ċertu maltemp – fl-inħawi ta’ Marsaxlokk, Delimara, Birżebbuġa u Kalafrana – l-inġenji kollha, kbar kemm huma kbar, ikunu effettwati, kemm mill-mewġ għoli, kif ukoll mir-riħ ta’ qawwa kbira.”

Huma tennew dak li fil-fatt qiegħda tiżvela il-mument, li jekk it-tanker twil ikun sorġut mal-moll li nbena apposta, f’ċerti kundizzjonijiet ta’ temp ikollu jinħall minn fejn ikun marbut u jittieħed isorġi f’xi post ieħor bħala prekawzjoni.

Fuq il-moll għal-lest diġà hemm it-tmien ankri kbar li twasslu Malta b’ħafna ħabi, u kellha tkun din il-gazzetta li tiżvela kif fl-importazzjoni tagħhom ħadet sehem ukoll il-kumpanija Med Sea Shipping Agent, li wieħed mid-Diretturi ewlenin tagħha hu Teddy Vassallo, li jiġi z-ziju tal-Ministru Konrad Mizzi. Din il-kumpanija qalet li x-xogħol ma ħaditux direttament mingħand il-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat, imma mingħand waħda mill-kumpaniji involuti direttament f’dan il-proġett.

Esperti marittimi li din il-ġimgħa tkellmu ma’ il-mument fissru li hu ta’ tħassib kbir kif dan it-tanker se jkun ankrat u marbut. “Se jkollu tmien ankri u wieħed irid jara b’mod preċiż fejn se jkunu applikati. U għalkemm it-tanker twil daqs tliet grawnds tal-futbol se jkun marbut b’numru ta’ ċimi, wieħed għad irid jara kif se jintrabat. Il-baħar u l-qawwa tiegħu, u r-riħ b’ċertu forza jistgħu jkunu ta’ theddida kbira għalih… u jekk ikun involut f’xi ħabta kif ġara ftit ġimgħat ilu fil-Port il-Kbir?

Aktar dettalji tistgħu issibuhom fil-ħarġa tal-lum ta’ il-mumment.