Internazzjonali

Spanja: Għexieren ta’ midruba fi splużjoni tal-gass

 

Indarbu ’l fuq minn 70 persuna – erbgħa minnhom serjament – fi splużjoni qrib il-belt ta’ Malaga, lejn in-Nofsinhar ta’ Spanja. Jaħsbu li l-isplużjoni kienet dovuta għal leakage tal-gass u fl-aħħar sigħat il-midruba kienu qed jingħataw trattament għall-ġrieħi li ġarrbu.

L-isplużjoni seħħet ġo kafeterija bl-isem La Bohemia, fil-belt ta’ Velez-Malaga, waqt li kien għaddej festival lokali. Intant, l-isplużjoni ħalliet ħsarat sostanzjali, b’mod partikulari fl-istabbiliment, u bil-madwar jispiċċa mimli bit-tifrik tal-oġġetti.

L-istampa ta’ Malaga qalet li wieħed mill-istaff tal-kafeterija kien qajjem l-allarm ‘mumenti biss’ qabel seħħet l-isplużjoni. L-inċident, intant, qanqal paniku u konfużjoni, bin-nies u l-iskwadri għall-emerġenzi jiġru fuq il-post biex jagħtu l-ewwel għajnuna.

Ir-rapporti qalu wkoll li l-vetturi tal-pulizija għenu jwasslu l-midruba lejn l-isptar għaliex is-servizzi għall-ambulanza ma setgħux ilaħħqu bl-ammont ta’ vittmi.