Internazzjonali

Apoloġija lil-Lhud mill-President tal-Filippini

Rodrigo Duterte

 

Il-President tal-Filippini, Rodrigo Duterte, talab apoloġija ‘profonda’ lill-komunitajiet tal-Lhud madwar id-dinja, wara li hu, jiem ilu, qabbel il-kampanja radikali li qed imexxi kontra l-kriminalità u d-droga f’pajjiżu mal-Olokawst.

Duterte, nhar il-Ġimgħa, kien irrefera għall-eksdittatur Nażista Adolf Hitler fejn tenna li ‘bħalma Hitler kien immassakra xi 3 miljun Lhud, hu jkun kuntent li jagħmel l-istess fir-rigward ta’ tliet miljun ivvizzjati bid-droga’. Il-kummenti qajmu għadab kbir madwar id-dinja, speċjalment fost il-Lhud. Dan meta l-istatistika tiżvela li kienu nqatlu mas-sitt miljun Lhud taħt idejn in-Nażisti matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Madankollu, Duterte sostna, f’diskors li kien qed jagħmel waqt festival (u li kien qed jixxandar dirett) li xtaq jitlob skuża mill-qalb għal dawk il-kummenti u insista li kliemu ‘kienu intiżi bħala tweġiba għall-mod kif pittruh il-kritiċi’. Hu għamilha ċara li ‘qatt ma kellu f’moħħu li jżeblaħ il-memorja tas-sitt miljun Lhud maqtulin min-Nażi’.

Mindu Duterte laħaq President tal-Filippini – wara li wiegħed ‘gwerra kontra d-droga’ – inqatlu ’l fuq minn 3,000 persuna f’pajjiżu, li l-parti kbira huma allegati bħala vvizzjati jew traffikanti tad-droga.