Lokali

“Dik hi r-realtà” – il-Ministru Joe Mizzi dwar it-traffiku

Il-Ministru tat-Traffiku Joe Mizzi injora għal kollox ir-rabja u t-tħassib tan-nies li fl-aħħar jumejn filgħodu weħlu fit-traffiku hekk kif il-pajjiż iġġammja sa’ minn kmieni filgħodu. F’kummenti ma’ NETnews, il-Ministru Joe Mizzi insista li “dik hi r-realtà”.

Dan is-sit ipprova jieħu l-kummenti ta’ Joe Mizzi fi tmiem attività f’lukanda ewlenija fil-Furjana. NETnews kellu jistaqsi l-mistoqsijiet tiegħu bil-ħatfa, peress li l-Ministru kien mgħaġġel, aktarx biex ma jeħilx fit-traffiku ta’ filgħaxija.

Fil-ġimgħatejn li għaddew, il-Ministru kien diġa esprima indifferenza għall-problema tat-traffiku, meta f’konferenza tal-aħbarijiet li kien għamel, kien qal li t-traffiku hu dak li hu.

“It-traffiku m’hu se jieqaf qatt” kien qal il-Ministru Joe Mizzi filwaqt li ammetta li fl-aħħar tlett snin, it-traffiku żdied.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, Joe Mizzi kien issuġerixxa li n-nies jaħsbu kmieni u jużaw il-baħar.
Intant, skont il-Ministru tat-Traffiku, il-Gvern għandu pjanijiet long term, medium term u short term.