Lokali

Filmat: Skont Joseph Muscat it-tanker se jasal fil-jiem li ġejjin

It-tanker tal-gass, b’daqs ta’ tlett grounds tal-futbol, li se jkun ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk, se jkun qed jasal Malta fil-jiem li ġejjin, skont il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Muscat qal dan meta kien qed jindirizza lill-media fi tmiem żjara fl-Università.

It-tanker tal-gass, LNG Mediterrana, se jitpoġġa f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk, b’periklu għar-residenti u minkejja li ma sar l-ebda studju dwar l-impatt ambjentali. It-tanker tal-gass filfatt se jkun qed jankra ftit metri ‘l bogħod minn fejn jgħixu eluf ta’ familji.

Dan filwaqt li l-gazzetti żvelaw li jekk ikun hemm il-maltemp, it-tanker se jkollu jinqala’ ‘l barra u jinħareġ minn mal-kosta għax ikun hemm riskji ta’ inċidenti kbar.

Minkejja li skont Muscat it-tanker se jkun qed jasal fil-bajja ta’ Marsaxlokk fi ftit jiem, il-Kummissjoni Ewropea għadha m’approvatx is-security of supply agreement – ftehim li bih il-Gvern intrabat li jixtri l-elettriku għal 18-il sena sħaħ.