Internazzjonali

Franza: Impenn biex il-qassis maqtul mill-ISIS ikun iddikjarat qaddis

 

Il-Papa Franġisku awtorizza lill-Knisja fi Franza biex tibda investigazzjoni preliminarja li tista’ twassal għall-qdusija tal-qassis, Jean Hamel, li, kmieni dan is-sajf, inqatel fi knisja minn terroristi tal-ISIS, waqt li hu kien qed jiċċelebra l-quddies.

Ir-Reverendu Hamel spiċċa b’għonqu mħanxar mit-terroristi u issa il-Papa qal li awtorizza laqgħa għall-ġbir tax-xhieda biex jiddetermina jekk, f’dan il-każ, hix xierqa l-kawża għall-beatifikazzjoni.

Il-Vatikan, is-soltu, jeħtieġ perjodu ta’ ħames snin qabel jistgħu jibdew dawn l-investigazzjonijiet. Madankollu, il-Papa qal li qed jippermetti l-bidu tal-investigazzjoni ‘issa’, ladarba x-xhieda, f’dan il-każ, ‘jistgħu jmutu jew jinsew id-dettalji maż-żmien’.

Il-qassis inqatel mill-aggressuri tal-ISIS – li mbagħad sfaw maqtula huma wkoll mill-pulizija – fis-26 ta’ Lulju li għadda, waqt li hu kien fil-knisja tal-parroċċa tiegħu fin-Normandija. L-ISIS, aktar tard, kien assuma responsabbiltà għall-qtil ta’ Jean Hamel.

Il-Papa, ix-xahar li għadda, kien onora lil Hamel bħala martri, fejn ħeġġeġ biex ‘kulħadd juri l-istess kuraġġ tal-qassis’, u fejn ikkundanna qtil ta’ dan it-tip bħala ‘aġir Sataniku’.

Skont il-proċess ikkumplikat għall-konferma ta’ qdusija, in-nies li jitilfu ħajjithom b’konsegwenza għal mibgħeda lejn il-fidi jistgħu jkunu ddikjarati martri u beatifikati mingħajr il-ħtieġa għall-provi dwar xi miraklu dovut għat-talb li jsirilhom. Madankollu, il-Vatikan, issa, jeħtieġ isegwi investigazzjoni sħiħa biex jiddetermina jekk il-mewt ta’ Hamel jikkwalifikax tassew bħala martirju.