Il-bidliet fil-liġi li wasslu għat-twaqqif tal-Kumitat dwar il-ħatra tal-ġudikanti hu pass ‘il quddiem li qed jiġi milqugħ. Madanakollu, mhux dak li kienet xtaqet il-Kamra tal-Avukat, li kien id-distakk tal-Eżekuttiv mill-proċess tal-ħatra.
Fl-indirizz tiegħu fil-ftuħ tas-sena forensi fil-Qorti, il-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler qal li l-ħatra tal-ġudikant essenzjalment baqgħet ħatra politika, għalkemm issa hemm livell ta’ skrutinju. Hu feraħ liż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti li laħqu qbil dwar dan.
George Hyzler qal li filwaqt li l-esperiment tal-Avukati tal-Qorti (Court Attorneys) jidher li rnexxa, madanakollu hemm bżonn li jiġi ndirizzat in-nuqqas ta’ trasparenza f’dawn il-ħatriet. L-istess fejn jidħol il-ħatriet tal-esperti tal-Qorti. Il-Kamra tal-Avukati hi tal-fehma li s-sistema tal-Kumitat tal-ħatriet għall-ġudikanti tiġi estiża wkoll għall-ħatriet tal-Avukati tal-Qorti u l-Esperti tal-Qorti.
Il-President tal-Kamra tal-Avukati kompla li għandha tkun miġġielda il-kultura tad-dewmien. Hu qal li filwaqt li sar titjib fl-ewwel qrati, qed tinħoloq konġestjoni fil-Qrati tal-Appell. Id-dewmien fis-sistema qed twassal biex iktar avukati jitbiegħdu milli jipprattikaw fil-Qorti.
George Hyzler ilmenta wkoll mill-fatt li l-Liġi dwar l-Avukati għadha ma daħlitx fis-seħħ. Hu qal li hu ironiku li liġi li tirregola l-professjoni legali qed tiġi mbuttata mill-professjoni stess u staqsa x’inhu jżomm lill-Gvern milli din il-liġi tidħol fis-seħħ. Hu qal li ninsabu f’sitwazzjoni fejn ħadd ma jaf kemm hawn avukati prattikanti f’Malta u li biex wieħed jivverifika jekk avukat għandux il-warrant biex jipprattika, dak li jkun, irid joqgħod iqalleb f’edizzjonijiet passati tal-Gazzetta tal-Gvern.
Fil-bidu tal-indirizz tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Avukati sellem il-memorja tal-Professur Joe Ganado, espert fil-liġi Ċivili, li miet iktar kmieni din is-sena.
Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tas-sena forensi kien hemm il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, l-Avukat Ġenerali Peter Grech, Imħallfin u Maġistrati kif ukoll il-Primi Mħallfin u Mħallfin irtirati u diversi membri tal-professjoni legali.
//= $special ?>