Lokali

Il-Maltin l-aktar li jafu dwar l-iskandlu tal-Panama : Stħarriġ organizzat minn kumpanija internazzjonali

Il-Maltin huma l-aktar poplu fid-dinja li huma infurmati dwar l-iskandlu tal-Panama Papers, wieħed mill-akbar skandli tax-xorta tiegħu, li kien żvelat mill-International Consortium of Journalist (ICIJ) aktar kmieni din is-sena.

Dan joħroġ minn stħarriġ li sar ftit tax-xhur ilu – meta r-rappurtaġġ fil-mezzi tal-midja kollha kienu fl-aqwa tagħhom – f’diversi pajjiżi madwar id-dinja u kien organizzat minn IPSOS, kumpanija indipendenti tal-istħarriġ tas-suq immexxija minnn riċerkaturi professjonali u li hi bażata fi Franza. L-istħarriġ kien pubblikat dalgħodu fil-ġurnal in-Nazzjon.

F’dan l-iskandlu Malta ssemmiet minħabba l-kontijiet sigrieti li kien żvelat li għandhom fil-Panama l-Ministru Konrad Mizzi u Keith ‘Kasco’ Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

L-istħarriġ sar biex tkun magħrufa r-reazzjoni tal-pubbliku għal dan l-iskandlu marbut ma’ kif isir ‘il-ħasil tal-flus’ permezz ta’ kumpanija moħbija f’naħat differenti tad-dinja, iżda l-aktar fil-Panama.

Skont dan l-istħarriġ, Malta, bi 78 fil-mija, hi f’ras il-klassifika tal-pajjiżi li l-popli tagħhom huma l-aktar infurmati fiex jikkonsisti dan l-iskandlu tal-Panama Papers.

Fit-tieni post wara Malta hemm l-Indja b’59 fil-mija u fit-tielet post hemm Spanja b’57 fil-mija.

L-istħarriġ sab li kienu biss 37 fil-mija minn dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ li wrew li jafu d-dettalji dwar il-Panama Papers.
Fost il-pajjiżi bi ftit li xejn konoxxenza tal-fatti marbutin ma’ dan l-iskandlu hemm il-Brażil (16 fil-mija), ir-Russja (18 fil-mija) u l-Ungerija u l-Korea t’Isfel b’19 fil-mija.

Anki meta dawk li b’xi mod jafu bil-Panama Papers inqasmu bejn dawk li jafu ħafna dwar l-iskandlu, u dawk li jafu anqas, Malta xorta kienet fl-ewwel post ta’ dawk li huma infurmati sew dwar il-Panama Papers. Dan il-persentaġġ hu ta’ 26 fil-mija, bl-Indja tikklassifika wkoll fit-tieni post b’19 fil-mija.

Min wieġeb għal dan l-isħarriġ kien mistoqsi wkoll dwar aspetti oħrajn relatati, u minn dawn irriżulta li…

■ 78 fil-mija wieġbu li ma jaqblux li wieħed jevita milli jħallas it-taxxi fost l-oħrajn billi jpoġġi flus f’kumpaniji shell u li jkollu kontijiet moħbijin barra l-pajjiż;
■ 80 fil-mija jaqblu li l-Panana Papers juru li jeżistu żewġ settijiet ta’ regoli fid-dinja: wieħed għas-sinjuri u ieħor għall-kumplament
■ 82 fil-mija qablu li jekk xi persunaġġ politiku jinstab li hu implikat kif allegat fil-Panana Papers għandu jirriżenja immedjatament mill-pożizzjoni li jkun qed jokkupa.

L-istampa sħiħa tal-istħarriġ turi li 37 fil-mija ta’ dawk intervistati kienu jafu bil-Panama Papers: 26 fil-mija kienu semgħu bl-iskandlu iżda ma kienu jafu xejn dwaru; 24 fil-mija li qatt ma semgħu bih, u 13 fil-mija li ma kinux jafu jwieġbu.

Dan l-istħarriġ sar f’25 pajjiż madwar id-dinja u b’kollox kienu intervistati 18,058 persuna. F’xi pajjiżi kienu intervistati aktar minn elf ruħ waqt li f’oħrajn – fosthom f’Malta – kienu intervistati ftit aktar minn 500 persuna.

Ta’ min ifakkar li Konrad Mizzi hu l-uniku Ministru fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li hu indikat fil-Panama Papers li kellu kumpanija moħbija fil-Panama.

in-nazzjon 03.10