L-elettorat ċaħad ftehim għal paċi storiku mar-ribelli FARC (Marxisti) skont ir-riżultat ‘xokkanti’ tar-referendum tal-Ħadd, fejn madwar 50.24 fil-mija tal-Kolombjani vvutaw kontra.
Il-ftehim kien iffirmat il-ġimgħa l-oħra mill-President tal-Kolombja, Juan Manuel Santos, u l-Kap tar-ribelli FARC, Timoleon ‘Timochenko’ Jimenez, wara kważi erba’ snin ta’ negozjati. Il-ftehim, iżda, kellu jkun ratifikat mill-poplu biex isir effettiv.
Meta indirizza lin-nazzjon, il-President Santos qal li jaċċetta r-riżultat tar-referendum iżda hu xorta se jkompli jistinka biex jikkonsolida l-paċi fil-Kolombja. Hu kompla li l-ftehim attwali għal waqfien mill-ġlied mar-ribelli għadu f’postu u li hu ħareġ direttivi biex in-negozjaturi tal-Gvern jivvjaġġaw lejn Kuba biex jikkonsultaw mal-kapijiet tal-FARC dwar il-pass li jmiss.
Il-Kap tal-FARC ‘Timochenko’ qal li r-ribelli tiegħu għadhom impenjati biex jaċċertaw tmiem għall-gwerra ta’ snin fil-pajjiż, fejn ikkritika l-kampanja li ħadmet għall-vot ‘Le’ fir-referendum. Hu kompla li jiddispjaċih li ‘l-impenji malinni tan-nies li jiżirgħu l-mibgħeda u l-vendetta kellhom jinfluwenzaw l-opinjoni tal-poplu Kolombjan’.
Qabel ir-riżultat tar-referendum ir-ribelli kienu qablu li jwarrbu għall-armi biex jissieħbu fil-proċess politiku tal-Kolombja. Madankollu, il-kritiċi tal-ftehim storiku jsostnu li l-patt li ntlaħaq mal-FARC – li l-Istati Uniti għadha tikkunsidrah bħala entità terroristika – ‘kien ħanin wisq ma’ dawn ir-ribelli’.
//= $special ?>