Internazzjonali

Kim Kardashian: Setgħet sfat vittma tal-‘Pink Panther gang’ f’Pariġi

Filwaqt li kulħadd qed jitkellem dwar l-aggrediment ta’ Kim Kardashian, l-istilla Amerikana tar-Reality TV li spiċċat misruqa minn ġojjelli li jiswew ‘il-miljuni’ waqt li kienet f’Pariġi, hemm possibbiltà li hi sfat vittma tal-‘Pink Panthers — grupp ta’ super-kriminali li ilhom jagħmlu s-serqiet kbar mill-1984.

Il-membri tal-gang — li fil-parti kbira ġejjin mis-Serbja u l-Montenegro — serqu aktar minn 280 lira Sterlina tul il-karriera kriminali twila.

Huma ngħataw il-laqam wara serqa li saret f’Londra, fl-2003, fejn ħalliel minnhom kien ħeba djamant ġo vażett tal-beauty cream. Dan ifakkar f’xena ta’ wieħed mill-films tas-sensiela famuża Pink Panther, li tibbaża fuq l-iżbalji banali ( u komiċi) ta’ Chief-Inspector Clouseau, id-detektiv Franċiż ineffiċjenti li ngħata ħajja mill-mibki attur Peter Sellers.

Il-gang, li rnexxielu jwettaq serqiet notevoli minn Cannes, Tokjo, Singapore u d-Dubaj, jinvolvi network ta’ xi 200 persuna li jafu eżatt x’inhu xogħolhom u li jaħdmu bi preċiżjoni u ‘vjolenza minima’. Huma ġieli daħlu f’postijiet esklussivi waqt li lebsin ta’ pulizija, inkella bħala turisti mill-Hawaii, ħaddiema tal-manutenzjoni u golfers.

X’aktarx li l-membri tal-Pink Panther gang – jekk tassew kienu involuti fil-każ ta’ Kardashian ( li seħħ fil-kumpless ta’ appartamenti lussuż, bl-isem Hotel Pourtales) — studjaw l-aħħar passi tal-vittma permezz tal-media soċjali tagħha. Jista’ jkun ukoll li huma raw il-ġojjellerija li  kienet liebsa Kim Kardashian f’Pariġi, fejn attendiet għal diversi fashion shows, wara li hi iċċirkolat ritratt permezz tas-Snapchat.

Iżda l-akbar probabbiltà hi li l-ħallelin kienu jafu minn qabel li Kardashian kellha tattendi l-fashion shows fil-kapitali Franċiża u, minn dak il-ħin, ‘kollox seta’ mexa skont il-pjan imfassal’ — bil-ħallelin jidħlu fl-appartament ta’ Kardashian, fejn rabtuha u sakkruha fil-kamra tal-banju qabel ħarbulha bil-ġojjellerija. L-investigazzjonijiet, intant, qegħdin ikomplu.

Hu interessanti li ‘il-modus operandi’ tal-Pink Panthers hu li dejjem jużaw il-minimu ta’ vjolenza peress li l-omiċidji jqanqlu reazzjoni wisq akbar mill-pulizija. Madankollu, il-membri tal-gang huma armati u ftit hemm dubju li kienu ‘jsibu tarf’ kwalunkwe gwardjani personali li setgħet kellha magħha Kim Kardashian ‘fil-mument tad-destin’.