Lokali Qorti

L-Amnestiji joħolqu sens qawwi ta’ inġustizzja ma’ min ikun osserva l-liġi – il-Prim Imħallef

Il-prattika tal-amnestiji toħloq sens qawwi ta’ inġustizzja ma’ min ikun osserva l-liġi b’mod skrupoluż, tinkoraġġixxi lil ħaddieħor biex ukoll ma josservax il-liġi bit-tama ta’ xi amnestija fil-futur u l-Qrati ma jibqgħux meqjusa bħala amministraturi tal-ġustizzja għaliex il-liġi ma tibqax ugwali għal kulħadd.

Dan kien il-qofol tal-ħsibijiet tal-Prim Imħallef Silvio Camilleri fid-diskors tiegħu fil-ftuħ tas-sena forensi fejn qal li l-prattika tal-amnestiji ma jżommux mal-prinċipju tas-saltna tad-dritt u wasal iż-żmien li ssir riflessjoni serja dwar il-konsegwenza ta’ din il-prassi.

Dwar ir-riformi fil-ħatriet fil-ġudikatura, il-Prim Imħallef qal li filwaqt li l-ħatra tal-ġudikant baqgħet essenzjalment f’idejn l-Eżekuttiv u l-Prim Ministru jista’ ma jsegwix ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat mwaqqaf, wieħed m’għandux inaqqas mill-effetti ta’ din il-liġi. Hu fakkar li jekk il-Prim Ministru jew il-Ministru ma jsegwix ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat, dan għandu jiddikjara li ma segwix din ir-rakkomandazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern kif ukoll fi stqarrija fil-Parlament li fiha irid jagħti r-raġunijiet għaliex ma jkunx segwa r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat.

Dwar il-qagħda tal-Qrati f’Malta, il-Prim Imħallef irrimarka li n-numru ta’ ġudikanti f’Malta hu inqas minn nofs il-medja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Għalkemm saru tentattivi mill-Eżekuttiv biex iżid in-numru ta’ ġudikanti, dan jidher li qatt m’hu biżżejjed sabiex ilaħħqu ma ħtiġijiet dejjem jikbru fis-sistema tal-ġustizzja iġġenerati minn liġijiet ġodda, iktar drittijiet u rimedji u iktar tribunali speċjali.

Hu tkellem ukoll dwar il-medjazzjoni fejn qal li din għandha tiġi estiża iktar mill-Qorti tal-Familja. Il-Prim Imħallef jemmen li l-medjazzjoni hi għodda li tista’ tnaqqas drastikament id-dewmien u ttemm kunflitt bejn il-partijiet li jkun iktar effettiv mill-Qrati għaliex dawn tal-aħħar jimponi soluzzjoni fejn xi ħadd mill-partijiet, jew it-tnejn li huma, iħossuhom telliefa.

Il-Prim Imħallef għamel aċċenn ukoll għall-limitazzjonijiet fiżiċi tal-Qrati, tant li anki jekk jiżdiedu l-ġudikanti, m’hemmx biżżejjed awli u uffiċċji. Hu lmenta dwar is-sitwazzjoni xejn feliċi fil-Qorti tal-minorenni li tiltaqa’ fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali f’Santa Venera. Hu appella sabiex jinstab post ieħor fil-viċinanzi tal-bini prinċipali tal-Qorti. Qal ukoll li wasal iż-żmien li wieħed jaħseb għall-possibilita’ li l-Qrati jiċċaqilqu għal bini iktar spazjuż.

Il-Prim Imħallef qal li kien hemm titjib fil-prestazzjoni tal-Qrati, tant li fil-kamp Ċivili, għall-ewwel darba f’16-il sena, in-numru ta’ kawżi pendenti niżel taħt l-10,000. Madanakollu, is-sitwazzjoni fil-Qrati tal-Appell tippreżenta diffikultajiet għaliex l-imħallfin ikollhom xogħol fil-Qrati tal-Ewwel istanza kif ukoll fl-Appell.

Fil-bidu tal-indirizz tiegħu, il-Prim Imħallef sellem il-memorja tal-Professur Joe Ganado, espert fil-liġi Ċivili, li miet iktar kmieni din is-sena.

Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tas-sena forensi kien hemm il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, l-Avukat Ġenerali Peter Grech, Imħallfin u Maġistrati kif ukoll il-Primi Mħallfin u Mħallfin irtirati u diversi membri tal-professjoni legali.