Eluf ta’ studenti bdew l-istudji tagħhom fl-Università ta’ Malta hekk kif uffiċjalment infetħu l-bibien tal-Università għas-sena akkademika l-ġdida.
Apparti l-bidu ta’ Freshers’ Week, fejn eluf ta’ studenti ġodda jibdew isiru midħla tal-Università ta’ Malta, dalgħodu sar programm ta’ attivitajiet bħala parti miċ-ċeremonja tal-ftuħ, li kien indirizzat mir-Rettur il-ġdid tal-Università Alfred Vella (ritratt fuq), li f’diskors tal-okkażjoni qal li l-istudenti għandhom jistudjaw mhux biss għal-lawrja, iżda għall-ħajja.
Ir-rettur awgura lill-Freshers, jiġifieri l-istudenti l-ġodda tal-Università, sena produttiva. Żied li jittama li l-edukazzjoni tagħhom tgħinhom jirrealizzaw l-aspirazzjonijiet ta’ ħajjithom.
Iċ-ċeremonja tal-ftuħ kienet indirizzata wkoll mill-Presiednt tal-Kunsill Studenti Universitarji Steph Dalli. Waqt iċ-ċeremonja, saret preżentazzjoni tal-pro-Retturi ġodda tal-Università.
Intant, fuq il-kampus tal-Università ingħatat bidu il-‘Freshers’ Week’, organizzata mill-KSU. Matul Freshers’ Week, diversi għaqdiet tal-istudenti u kumpaniji jkunu qed jilqgħu lill-istudenti l-ġodda b’informazzjoni dwarhom u dwar kif l-istudenti jistgħu jipparteċipaw fil-ħajja studenteska.
Ritratt: Il-President tal-KSU Steph Dalli tindirizza ċ-ċeremonja tal-ftuħ
Ritratt: Il-University Wind Ensemble taħt id-direzzjoni ta’ Dr Philip Ciantar daqqet intervalli mużikali
//= $special ?>