Minkejja r-riżultat tar-Referendum tal-Brexit u l-futur li għandu jirrispetta dan ir-riżultat, Malta għandha tibqa’ f’relazzjoni b’saħħitha mar-Renju Unit.
Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien qed jiltaqa’ mal-Kummissarju Għoli Ingliż għal Malta Stuart Gill.
Din kienet l-ewwel laqgħa tal-Kummissarju Għoli Ingliż għal Malta mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista mindu ppreżenta l-Kredenzjali tiegħu lill-President ta’ Malta fil-bidu ta’ Settembru li għadda.
Waqt il-laqgħa, Simon Busuttil tkellem dwar ir-rabta storika li hemm bejn iż-żewġ Stati, filwaqt li fakkar dwar l-eluf ta’ ċittadini Maltin li jgħixu r-Renju Unit u viċi-versa.
Dwar il-Brexit, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li r-riżultat tar-Referendum hu diffiċli li wieħed jaċċettah. Madankollu, wieħed għandu jħares ‘il quddiem b’ottimiżmu lejn negozjati li jħallu l-frott.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Għoli Ingliż esprima qbil ma’ dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, fejn qal li jinsab ħerqan li jaħdem mal-Oppożizzjoni u mal-Gvern b’mod pożittiv, hekk kif fix-xhur li ġejjin Malta se tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew.
//= $special ?>