Lokali

Proposti għall-politika ambjentali tal-Partit Nazzjonalista

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Arkitettura, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil iltaqa’ ma’ numru ta’ studenti mill-Fakulta’ tal-Arkitettura u l-Ambjent Mibni.

Matul din il-laqgħa Simon Busuttil fisser kif fil-bidu ta’ din is-sena, il-PN beda proċess ta’ konsultazzjoni sabiex jisma’ ideat bil-għan li l-partit itejjeb il-policies tiegħu.

Fil-qasam tal-ambjent, dan il-proċess ingħata bidu bil-konvenzjoni li ġġib l-isem Idea ambjent f’Jannar li għadda.

Il-Kap tal-PN rrefera għall-laqgħa li kellu l-ġimgħa li għaddiet mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, li matulha kien ippreżenta tliet proposti: li l-kostruzzjoni ma tkunx għan fih innifsu iżda mezz kif titjieb il-kwalita’ tal-ħajja u għal dan il-għan, Gvern Nazzjonalista lest inaqqas it-taxxa fuq bini li jkun iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u fi proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana. It-tieni proposta hi inċentivi fiskali lil operaturi f’dan il-qasam biex itejjbu l-istandards tagħhom. It-tielet proposta hi pjan nazzjonali tal-infrastruttura li jaħseb fit-tul u jkopri kull aspett tal-infrastruttura: mill-bankini sa sistemi alternattivi ta’ trasport pubbliku.

Simon Busuttil qal li f’Malta wasal iż-żmien li ssir il-qabża kwalitattiva li jmiss.

Iċ-Chairperson tal-Konvenzjoni IdeaAmbjent Simone Vella Lenicker ippreżentat il-ħames punti kardinali tal-politika ambjentali li ħarġu mill-Konvenzjoni. Dawn huma: L-Ambjent, li jinkludi dak naturali u l-ambjent urban, bħala priorita’ ċentrali. Is-sostenibbilta’, il-Governanza tajba fil-qasam tal-ambjent, il-kwalita’ tal-ħajja fil-komunita’, u l-ħolqien ta’ kultura ambjentali għall-futur.

Matul il-laqgħa, kien hemm skambju ta’ ideat fejn diversi studenti għamlu numru ta’ proposti.