Rapporti li qed jiċċirkolaw bħalissa qalu li l-Kap suprem tal-grupp terroristiku ISIS, Abu Bakr al-Baghdadi, jinsab ‘serjament marid’ wara li kiel l-ikel ‘ippreparat bil-velenu’ taħt idejn assassin jew assassini potenzjali.
L-allegazzjonijiet ikomplu li l-ikel li kien ippreparat għall-Kap tal-ISIS u kmandanti tiegħu mal-organizzazzjoni terroristika kien ‘ivvelenat’ fid-distrett ta’ Be’aaj, lejn il-Lbiċ ta’ Nineveh, fin-naħa ta’ fuq tal-Iraq.
Is-sorsi qalu lill-aġenzija tal-aħbarijiet WAA li ‘l-erba kmandanti tal-ISIS qed isofru minn sintomi ta’ ivvelenar serju’ u li dawn kienu trasferiti lejn lokalità sigrieta ‘taħt prekawzjonijiet stretti’.
Qed jingħad ukoll li l-membri tal-ISIS, bħalissa, qed iwettqu kampanja ta’ arresti biex jinstabu l-persuna jew persuni responsabbli mill-ivvelenar ta’ al-Baghdadi. L-istess Kap ewlieni, fl-aħħar snin, irnexxielu jittrasforma fergħa separatista tal-moviment al-Qaeda fin-network qattiela tal-ISIS li nafu llum u li hi magħrufa bħala l-aktar organizzazzjoni b’saħħitha ta’ ġiħadisti fid-dinja.
Taħt it-tmexxija tiegħu, il-militanti tal-ISIS mexxew offensiva fl-Iraq u s-Sirja, fejn irnexxielhom jaħtfu kontroll ta’ medda sħiħa ta’ territorju. L-ISIS ħatfu wkoll xi zoni tal-Libja, iżda fl-aħħar xhur huma tilfu r-riedni f’numru ta’ artijiet ( f’dawn it-tliet pajjiżi) fejn it-terroristi qed ikunu suġġetti għall-attakki kontinwi.
//= $special ?>