Lokali

“Tinsewx il-liġi fundamentali tal-imħabba lejn Alla u l-proxxmu” – l-Arċisqof ta’ Malta

“Tinsewx il-liġi fundamentali (għalkemm mhux miktuba) tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu”. Dan kien l-appell tal-Arċisqof ta’ Malta, Mons Charles Scicluna fl-omelija tiegħu lill-membri tal-ġudikatura u l-avukatura waqt quddiesa fl-Oratorju fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fl-okkażjoni tal-bidu tas-sena forensi.

L-Arċisqof silet paragun bejn l-Evanġelu tal-ġurnata, li kien jittratta l-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb u l-ħajja tal-lum. “Bħala avukati u ġudikanti, jiġu n-nies għandkom li kienu vittmi biex ifittxu ġustizzja.”

“Fis-sena tal-ħniena, mhux qed ngħidilkom biex tkunu “soft” ma’ min ikun għamel il-ħsara, imma li tagħtu dak li ħaqqu u fl-istess ħin tassiguraw ir-rijabilitazzjoni kemm tal-aggressur kif ukoll tal-vittma”, tenna l-Arċisqof Scicluna.

Hu kompla li d-dannu għandu jitħallas minn min għamel il-ħsara imma b’ħarsa lejn ir-rijabilitazzjoni.

L-Arċisqof appella wkoll sabiex il-prezz tal-ġustizzja jitrażżan, kemm fejn jidħlu spejjeż kif ukoll fil-ħlasijiet professjonali. “M’għandniex niġu f’sitwazzjoni fejn persuna taqta’ qalbha milli tikseb ġustizzja, kemm minħabba dewmien ta’ burokrazija, kif ukoll minħabba spejjeż u ħlasijiet”