Internazzjonali

Wara l-provi għall-bombi nukleari… Il-Korea ta’ Fuq tara żieda fl-imwiet mir-radjazzjoni

Rapporti qed jgħidu li l-Korea ta’ Fuq qed tara spinta qawwija fil-mard inkurabbli u l-imwiet dovuti għal radjazzjoni fost iċ-ċittadini tagħha. Dan wara li r-reġim komunista fi Pyongyang, immexxi minn Kim Jong-un, wettaq il-ħames prova nukleari fi kwistjoni ta’ xhur.

Proprju x-xahar li għadda, il-Korea komunista kkaġunat terremot li kien jimmarka 5.3 fuq l-Iskala wara li wettqet prova (splużjoni) nukleari oħra. Il-prova rriżultat fil-kundanna qalila u immedjata mill-ġirien tal-Asja u l-Istati Uniti.

Illum, ir-rapporti qed jgħidu li n-nies li jgħixu qrib is-sit nukleari ta’ Punggye-ri, fil-Grigal tal-Korea ta’ Fuq, qegħdin ‘iħallsu l-prezz b’ħajjithom’ għal dawn il-provi nukleari. Dan sar magħruf mill-informazzjoni ta’ persuna li rnexxielha taħrab mill-Korea ta’ Fuq.

Din il-persuna żvelat li ‘il-Muntanja ta’ Mantapsan saret sit fejn jiddomina t-tniġġiż radjuattiv, minħabba l-ossessjoni tar-reġim fi Pyongyang li jsir potenza nukleari’. Sar magħruf ukoll li r-residenti li jixorbu l-ilma f’dik iz-zona tal-Korea ta’ Fuq qed jaqgħu vittma għall-mard li mhemmx fejqan għalih.

Konsegwenzi oħra li ssemmew huma każi fejn it-trabi jitwieldu b’varjetà ta’ difetti u ‘rata ta’ imwiet għolja mhix tas-soltu’.

Kathryn Higley, li tmexxi t-taqsima għax-xjenza nukleari u l-inġinerija fl-Università tal-Istat ta’ Oregon (fl-Istati Uniti) qalet li ‘hu definittivament possibbli’ li l-provi nukleari taħt l-art li wettaq ir-reġim tal-Korea ta’ Fuq ikkontaminaw ir-riżorsi tal-ilma bir-radjazzjoni — bil-konsegwenzi fatali ‘inevitabbli’.