Bħala politiċi irridu noffru politika li tgħin liż-żgħażagħ isibu impjieg li jixirqilhom wara li jkunu lestew l-istudju tagħhom.
Saħaq fuq dan il-punt il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil hekk kif żar il-Fresher’s Week fl-Universita’ ta’ Malta. Simon Busuttil sostna li mill-istudju għax-xogħol l-istudenti għandu jkollhom tranżizzjoni mingħajr xkiel. “Il-Gvern isib il-flus biex iberbaq imma ma jsibx flus biex jimpjega radiographers, fiżjoterapisti u podjatristi,” qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar setturi ġodda li Gvern Nazzjonalista jrid jara li jiżviluppaw u li joffru impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ. Dan jista’ jsir bil-ħolqien ta’ setturi ġodda ekonomiċi bħal dawk tal-fintech u d-digital media services.
Kwistjoni oħra li tkellem dwarha l-Kap tal-Partit Nazzjonalista hi dik tat-traffiku. Semma’ kif l-istudenti għandhom bżonn l-aċċessibilita’ ta’ trasport. Qal wkoll kif fl-aħħar tlett snin u nofs il-problema tat-traffiku marret għall-agħar minflok tjiebet. Kien hawn fejn semma’ sett ta’ miżuri li pproponiet l-Oppożizzjoni fejn jidħol it-trasport.
Fakkar li f’Mejju li għadda, l-Partit Nazzjonalista ħareġ b’35 proposta biex din il-problema tiġi ndirizzata fl-immedjat, iżda l-Gvern għażel li flok jimplimentahom, jipprova jirredikolahom.
Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed ukoll joħroġ b’viżjoni għal sistema alternattiva ta’ trasport pubbliku li hi sistema ta’ tramway li tkun moderna u idealment tgħaqqad lil Malta ma’ Għawdex. “Wasal iż-żmien li bħala pajjiż, inħarsu lejn it-trasport pubbliku b’mod viżjonarju”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sostna kif la darba joħroġ il-proposti tiegħu għas-settur tal-edukazzjoni se jkun kommess li jalloka fondi għar-riċerka li hi essenzjali fl-istudju tal-istudenti.
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt Fresher’s Week kien hemm il-President tal-Kunsill Studenti Universitarji Steph Dalli, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-żgħażagħ David Agius, il-kelliem għall-edukazzjoni bikrija George Pullicino, u l-kandidati għall-elezzjoni generali Maria Portelli, Charlo Cassar u Giorgio Schembri.
//= $special ?>


