Dawk fil-faqar iħarsu lejn l-istat bħala “marid” – il-President tal-Alleanza tal-Organizzazzjonijiet tal-Pensjonanti

L-istat Malti hu b’saħħtu ħafna man-nies sinjuri u dawk li jaqilgħuha tajjeb, iżda minn naħa l-oħra, dawk fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar iħarsu lejn l-istat bħala “marid”. Hu diffiċli ħafna għal dawk fil-faqar li jlaħħqu mal-ħajja minħabba l-egoiżmu tal-ftit nies sinjuri u oħrajn li jevadu t-taxxa bla kontrolli.

Din hi dikjarazzjoni qawwija li għamel il-President tal-Alleanza tal-Organizzazzjonijiet tal-Pensjonanti Carmel Mallia f’artiklu fuq The Times of Malta. Carmel Mallia jitkellem dwar l-aħħar ċifri dwar il-faqar kif ukoll dwar kif, fl-omelija ta’ nhar l-Indipendenza, l-Arċisqof Charles Scicluna ndirizza din il-problema.

Hu sostna li filwaqt li kien hemm żidiet fid-dħul, il-verità hi li d-differenza bejn dawk sinjuri u dawk fil-faqar hi ferm akbar minn dik li tagħti l-istatistika. Hu jgħid ukoll li l-istatistika tista’ tiġi interpretata u mmanipulata skont min u kif jitkellem dwarha.

Carmel Mallia faħħar lill-Arċisqof għall-kif qed jgħallem dwar il-ġustizzja soċjali u l-valuri.
L-aħħar statistika tal-Gvern stess tikkonferma li dawk f’riskju ta’ faqar żdiedu minn 88,000 fl-aħħar elezzjoni ġenerali għal 94,000 – żieda ta’ 6,000. L-akbar numru ta’ dawk li żdiedu fil-faqar hu dak tal-anzjani.

B’rabta ma’ dan, fl-aħħar jiem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħareġ b’numru ta’ proposti li jindirrizaw kemm dawk fir-riskju tal-faqar kif ukoll l-anzjani, fosthom:
• li titreġġa’ lura t-taxxa fuq il-faqar u titbaxxa għal li kienet il-kera li żied Muscat għal dawk li jgħixu fl-akkomodazzjoni soċjali;
• li jiżdied is-sussidju lil dawk il-familji li jikru mill-privat;
• li tgħola l-pensjoni biex l-anzjani ma jibqgħux f’sitwazzjoni li ma jlaħħqux sal-aħħar tax-xahar;
• li tiġi riveduta t-taxxa li jħallsu dawn l-anzjani fuq dividends li jirċievu mill-investimenti li jkunu għamlu f’shares;
• u li l-anzjani jkollhom aċċess għall-mediċini b’xejn.