Internazzjonali

Eluf ta’ immigranti salvati mill-baħar wara li telqu mil-Libja

 

Il-gwardjani tal-kosta Taljani, fil-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta, ikkordinaw ħidma intensiva biex isalvaw almenu 6,000 immigrant li ppruvaw jaqsmu mil-Libja lejn l-Ewropa b’għexieren ta’ dgħajjes u dinghies.

Din kienet waħda mill-akbar missjonijiet ta’ fejda ta’ dan it-tip fi spazju ta’ 24 siegħa, fejn intużaw ukoll il-mezzi tal-ajru biex l-immigranti jitwasslu lejn ċentri fejn setgħu jingħataw trattament mediku. F’każ partikulari mara tqila u tfajjel twasslu b’ħelikopter miz-zona tal-emerġenza lejn l-isptar fuq il-gżira Taljana ta’ Lampedusa.

Sadanittant, mietu almenu għaxar immigranti waqt dan il-vjaġġ partikulari, bis-sorsi fiz-zona jgħidu li n-numru tal-vittmi jista’ jkun ħafna akbar. Dan meta numru ta’ katavri tal-immigranti nstabu max-xatt lejn il-Lvant ta’ Tripli.

Numru ta’ bastimenti tal-gwardjani tal-kosta, il-qawwiet tal-baħar Taljani u bastimenti oħrajn ta’ organizzazzjonijiet umanitarji ħadu sehem fl-azzjonijiet tas-salvataġġ li ħafna minnhom seħħew ftit għexieren ta’ kilometri mill-kosta tal-Libja.

Bastiment partikulari tal-gwardjani tal-kosta Taljani salva ‘waħdu’ mas-725 immigrant – li kienu jinkludu 200 tifel u tifla –  minn fuq dinghy; bl-azzjonijiet simili ta’ fejda ma jonqsux tul is-sigħat.

Din il-missjoni intensiva ta’ salvataġġ fuq il-baħar seħħet eżattament tliet snin wara li mietu 366 immigrant li kienu nqalbu bid-dgħajsa ftit lil hinn mill-kosta tal-Italja, fit-3 ta’ Settembru tal-2013.

Din is-sena waslu l-Italja madwar 132,000 immigrant regolari skont l-aħħar ċifri mill-Organizzazzjoni tal-Immigranti Internazzjonali. Minn dawn l-immigranti, xi 3,054  spiċċaw jitilfu ħajjithom.