Lokali

FILMAT: Joe Mizzi jikkanċella konferenza tal-aħbarijiet… wara li jħalli lill-ġurnalisti jistennew

Anke bil-baħar… il-Ministru Joe Mizzi jasal tlett kwarti tard

Il-Ministru Joe Mizzi kkanċella konferenza tal-aħbarijiet li kienet pjnata, u ma tax kummenti lill-ġurnalisti, wara li ħalla lill-istess ġurnalisti jistennew għal kważi siegħa sħiħa.

Skont il-lista uffiċjali ta’ attivitajiet tal-Gvern, dalgħodu l-Ministru kellu jżur bastimenti li jiffurmaw parti minn netwerk Ewropej ta’ bastimenti li jintużaw f’każijiet ta’ tniġġiż tal-baħar. Wara, il-Ministru Joe Mizzi kellu jindirizza lill-media. Il-lista uffiċjali ta’ attivitajiet tal-Gvern filfatt taqra: “a press conference will follow”.

Media events joe mizzi

Ritratt: Kif jidher fiċ-ċirku, kellha ssir konferenza tal-aħbarijiet… iżda Joe Mizzi ma tax kummenti lill-media

Filmat: Il-ġurnalisti kienu qed jistennew il-kummenti tal-Ministru tat-Traffiku Joe Mizzi, iżda dan ħarab minn fuq il-post bil-karozza Ministerjali

Iżda wara li ddawwar mal-bastiment, il-Ministru Joe Mizzi ħarab lejn il-karozza Ministerjali, rikeb u telaq minn fuq il-post – u ħalla lill-ġurnalisti mingħajr kummenti, wisq inqas konferenza tal-aħbarijiet.

Mhux talli hekk, talli l-Ministru Joe Mizzi wasal għall-attivita aktar minn tlett kwarti tard. Skont il-lista uffiċjali tal-Gvern, Joe Mizzi kellu jasal fil-10.45am. Madanakollu hu wasal kważi siegħa tard, jiġifieri ftit qabel nofsinhar neqsin kwart.

Joe Mizzi wasal aktar minn tlett kwarti tard minkejja li wasal Boiler Wharf bid-dgħajsa. Xi jiem ilu, Joe Mizzi ssuġġerixxa li n-nies jużaw il-baħar biex jiffranka t-traffiku.

Dalgħodu l-pajjiż reġa’ ġġammja minħabba t-traffiku. F’kumment li ta lil NETnews.com.mt ilbieraħ, Joe Mizzi qal “dik hi r-realtà” meta mitlub jagħti reazzjoni dwar il-mod kif il-pajjiż qed jeħel għal ħin twil kull filgħodu minħabba t-traffiku.

BOAT

Ritratt: Anke bil-baħar… Joe Mizzi wasal tlett kwarti tard!