Internazzjonali

Il-kriżi tas-Sirja: Inizjattiva għal Aleppo minn Franza u Spanja

ALEPPO, SYRIA - SEPTEMBER 20 : Syrian people carry wounded ones to hospital after Assad Regime Forces stage an airstrike to opposition controlled Muvasalat district of Aleppo, Syria on September 20, 2015. (Mamun Ebu Omer/Anadolu Agency/Getty Images)

Franza u Spanja ppruvaw jiksbu ftehim mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għal riżoluzzjoni li twassal għal waqfien mill-ġlied fil-belt Sirjana ta’ Aleppo, fejn il-kriżi umanitarja saret aktar profonda. Dan wara li l-Istati Uniti ssospendiet taħditiet mar-Russja dwar is-Sirja fejn akkużat lil Moska talli naqset milli tirrispetta l-impenji skont ftehim preċedenti li kellu jagħti n-nifs lis-Sirjani taħt assedju.

L-abbozz tar-riżoluzzjoni minn Franza u Spanja ssejjaħ għal osservatur speċjali sponsorjat min-NU; it-tmiem tal-ġlied kollu f’Aleppo u biex ma jkomplux it-titjiriet militari fuq din il-belt. Hemm elenkat li l-partijiet li jonqsu milli jimxu mal-ftehim għandhom jiffaċċjaw ‘aktar miżuri’. Intant, ir-Russja mal-ewwel ikkuntestat il-proposta u l-waqfien tat-titjiriet fejn qalet li dawn il-passi ‘mhux probabbli li jissarrfu f’paċi’.

Aktar qabel, l-Istati Uniti waħħlet fir-Russja u l-Gvern tal-President Sirjan Bashar al-Assad dwar l-aħħar attakki intensivi fuq iċ-ċivili fis-Sirja. L-Amerikani, jiem ilu, kienu wissew lir-Russja li huma kellhom jirtiraw mid-djalogu dment li r-Russi ma jiqfux mill-bumbardamenti fuq Aleppo. L-aħħar ftehim għall-waqfien mill-ġlied (fis-Sirja) li kkrolla kien sponsorjat minn Washington u Moska.

Fi żvilupp ieħor,  mietu, almenu, 30 persuna meta aggressur wettaq attakk suwiċida waqt tieġ tal-Kurdi lejn il-Grigal tas-Sirja. L-aggressur tajjar lilu nnifsu ġo sala f’Tal Tawil, barra l-belt ta’ Hassakeh, u l-ISIS, ftit wara, assuma responsabbiltà ‘għall-attakk fuq grupp kbir ta’ ġellieda Kurdi’. Filwaqt li l-qawwiet Kurdi keċċew lill-ISIS minn ħafna zoni ta’ Hassakeh, dawn it-tipi ta’ attakki xorta qed isiru regolarment fl-inħawi.